STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Ċelebrazzjoni tal-isport f’Malta f’għeluq l-għaxar snin ta’ SportMalta
SportMalta se tibqa' taqdi lis-soċjetà inġenerali billi tipprovdi opportunitajiet lill-assoċjazzjonijiet, klabbs, individwi biex jipprattikaw l-isport u l-attività fiżika. Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbret li se tittella' konferenza li se tiċċelebra l-isport f'Malta fl-okkażjoni tal-għaxar snin minn meta saret it-tranżizzjoni mill-Kunsill Malti għall-Isport ta' dak iż-żmien għal SportMalta. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet kienu rikonoxxuti wkoll skejjel li ħadu sehem fil-Jum Sportiv tal-Iskejjel organizzat minn SportMalta.
Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru Clifton Grima qal li “Fl-istrateġija Nazzjonali l-ġdida għall-Edukazzjoni 2024-2030 għandna pilastru ewlieni dedikat għall-benesseri tal-individwu. Benesseri li fost oħrajn jitkellmu wkoll dwar żieda fil-ħin u l-kwalità tal-attività fiżika fl-edukazzjoni obbligatorja. Għalhekk l-istrateġija ssemmi wkoll l-immodernizzar skedat ta' faċilitajiet sportivi fl-iskejjel biex jinkoraġġixxi l-użu ta' dawn l-ispazji għal varjetà ta' attivitajiet ta' tagħlim. Issemmi wkoll żieda fl-intitolar marbut mal-attività fiżika fl-iskejjel, l-introduzzjoni mill-ġdid ta' tournaments nazzjonali u sfidi fl-isport għall-istudenti."
Il-Ministru Grima kompla li dan juri l-impenn tal-Gvern fis-settur sportiv li jrid jibda minn età żgħira u ħidma biex l-istudenti jibdew jiċċelebraw l-isport u l-attività fiżika bħala parti essenzjali tal-benesseri tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv ta' SportMalta, Mark Cutajar, ta dettalji dwar il-Konferenza li se ssir bejn it-12 u t-13 ta' Jannar 2024 bit-tema 'Niċċelebraw l-Isport f'Malta'. “Il-Konferenza se jkollha bħala temi ewlenin ta' diskussjoni l-benesseri mentali, l-involviment tal-ġenituri, is-sostenibbiltà fl-avvenimenti u l-promozzjoni tal-isport fl-iskola. Temi li permezz ta' diskussjoni dwarhom irridu nħarsu lejn fejn qegħdin bħalissa u dak li se jwassalna għaż-żmien li ġej", qal Cutajar.
Id-diskussjoni se tkun mifruxa fuq tliet sessjonijiet li se jkollhom udjenza differenti fosthom edukaturi, kowċis, ġenituri, Għaqdiet Sportivi u l-klabbs sportivi. Għall-konferenza se jiġu f'pajjiżna kelliema internazzjonali fosthom Barbara Brennan, avukat Irlandiż għas-saħħa mentali, il-Perit Kanadiż James Thoem, Olivier Goudet mill-UEFA u Greg Woods u Jason Lewis mill-Assoċjazzjoni Dinjija tar-Rugby.
Iċ-Chairman ta' SportMalta, Omar Farrugia, tkellem dwar is-suċċessi li SportMalta kellha f'dawn l-aħħar għaxar snin u qal li l-entità hija kommessa li bil-ħidma tagħha tkompli twassal għal aktar suċċessi.
Rose Marie Mercieca, Koordinatriċi tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport qalet li SportMalta qed tirrikonoxxi l-ħidma li saret fl-iskejjel ta' Malta u Għawdex bħala parti mill-inizjattiva tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport. Hija spjegat li sa mill-bidu ta' din l-attività, għaxar snin ilu, il-parteċipazzjoni f'din l-inizjattiva kompliet tikber sena wara sena biex laħqet parteċipazzjoni rekord fl-2023.
Il-Ministru Clifton Grima feraħ lill-iskejjel kollha li ħadu sehem fil-Jum Sportiv tal-Iskejjel u waqt l-attività tal-lum ġew ippreżentati b'tagħmir sportiv.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en