STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imnedija għall-konsultazzjoni pubblika l-Istrateġija l-ġdida għall-Edukazzjoni 2024-2030
Wara mitejn laqgħa ta' konsultazzjoni u djalogu mal-edukaturi, ġenituri, studenti, entitajiet u ministeri oħrajn, illum tnieda l-aħħar pass, dik ta' konsultazzjoni pubblika biex eventwalment tkun imnedija l-Istrateġija l-ġdida għall-Edukazzjoni 2024-2030.
It-tnedija saret mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima fil-Librerija Nazzjonali fil-Belt Valletta.
“F'April li għadda nedejna l-ewwel pass, il-bidu ta' djalogu u konsultazzjoni biex infasslu l-Istrateġija l-ġdida għall-Edukazzjoni 2024-2030. Illum qed inniedu l-aħħar pass ta' konsultazzjoni: konsultazzjoni pubblika biex tagħlaq ċiklu ta' laqgħat u konsultazzjonijiet wiesgħa. F'dawn it-tmien xhur għamilna aktar minn 200 laqgħa ta' konsultazzjoni u djalogu. Dan ifisser li l-Ministeru ma' poġġiex dokument lest għad-diskussjoni, imma beda konsultazzjoni u diskussjoni biex jitfassal dan id-dokument," qal il-Ministru Grima.
Huwa qal li malli bdiet il-konsultazzjoni mal-edukaturi bdiet titfassal mill-qiegħ strateġija ġdida għall-Edukazzjoni li se twassal lis-settur edukattiv sas-sena 2030 u lil hinn minnha. L-għan huwa li permezz tal-Istrateġija pajjiżna jkollu sistema li tgħin aħjar lill-istudenti kollha jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ filwaqt li jilħqu l-aspirazzjonijiet kollha tagħhom. Strateġija li se tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru.
“Irridu naraw lit-tfal tagħna jirnexxu u għalhekk qed inġeddu l-impenn tagħna li nagħtu l-aqwa esperjenza edukattiva, edukazzjoni ta' kwalità. Strateġija li tara li s-sistema edukattiva tagħna taddatta aktar għall-bżonnijiet tat-tfal u mhux bil-kontra. Irridu niżguraw li s-sistema edukattiva tagħna qed tħejji l-istudenti bl-aħjar mod għad-dinja tax-xogħol. Huwa għalhekk li din l-istrateġija se tittrasforma lis-settur edukattiv," qal il-Ministru Grima.
Il-qafas teoretiku tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni 2024-2030 huwa msejjes fuq il-kunċett ta' trasformazzjoni, proċess li jirrikonoxxi l-kisbiet passati u jibni fuqhom, filwaqt li fl-istess ħin jorjenta ruħu għall-eżiġenzi tal-futur.
L-Istrateġija għandha tliet pilastri ewlenin bil-pilastru ċentrali huwa dak tal-Benesseri, it-tieni pilastru huwa dak tat-Tkabbir u Emanċipazzjoni, u t-tielet pilastru huwa l-Ekwità u Inklużjoni.
“Permezz ta' 36 miżura u 120 inizjattiva se nkomplu naraw trasformazzjoni fl-edukazzjoni li se tissapportja lill- professjonisti f'dan is-settur, kif ukoll lill-istudenti. Permezz tal-bidla minn inizjattivi għall-programmi, se nkunu qed nassiguraw l-iżvilupp ħolistiku tal-istudenti. Filwaqt li permezz tal-programm Family-Community-School Link se jkun qed jgħin lill-familji, jinvolvi lill-komunitajiet u jissaportja l-iskejjel permezz ta' approċċ integrat. Irridu li nkomplu bi djalogu mal-partijiet kollha ikkonċernati għall-ħidma u kollaborazzjoni flimkien," qal is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni Matthew Vella.
Id-dokument tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 għall-konsultazzjoni pubblika jista' jiġi aċċessat fis-sit: https://www.gov.mt/en/publicconsultation/Pages/2023/NL-0051-2023.aspx. Hemm ukoll verżjoni għat-tfal li tinstab fis-sit: https://empoweringchildren.gov.mt/national-educational-strategy-2024-2030/.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en