STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-AWDITUR ĠENERALI Rapport annwali tal-Awditur Ġenerali dwar il-kontijiet pubbliċi 2022
Illum, l-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, ippreżenta r-Rapport Annwali dwar il-Kontijiet Pubbliċi għas-sena 2022 lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia. Dan jikkonsisti f'26 rapport ta' verifika fuq l-operat ta' numru t'entitajiet fis-settur pubbliku. Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll analiżi tar-Rapport Finanzjarju 2022, kif ukoll tal-arretrati kif ġew mgħoddija lit-Teżor mill-Ministeri, Dipartimenti u Entitajiet rispettivi.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) eżamina b'reqqa diversi sorsi ta' dħul u ħruġ sabiex tkun analizzata sew l-osservanza tal-liġijiet u r-regolamenti relatati magħhom. Ir-Rapport jinkludi aktar minn 250 rakkomandazzjoni li jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati mill-NAO bl-għan li tissaħħaħ il-governanza u jitjiebu l-prattiki fl-operat tal-Gvern.
Dawn li ġejjin huma wħud min-nuqqasijiet prinċipali li ġew identifikati:
- Limitazzjonijiet fil-kontrolli interni u fis-segregazzjoni tad-dmirijiet.
- Regolamenti dwar l-akkwist pubbliku ma ġewx osservati b'mod frekwenti, fosthom użu irregolari ta' proċeduri innegozjati, servizzi mogħtija abbażi ta' kuntratti skaduti u xiri mingħajr l-approvazzjoni neċessarja.
- Nuqqasijiet fis-sistema tal-ħlas ta' pagi, li wasslu għal żbalji fl-allowances kif ukoll użu regolari ta' sahra, li spiss ma kienx awtorizzat.
- Nuqqas t'azzjoni biex jinġabru ammonti dovuti lill-Gvern.
- Lakuni fil-proċess ta' kontabilità u nuqqas ta' proċeduri tal-operat uffiċjali.
Aċċess għal dan ir-Rapport mis-sit uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika: www.nao.gov.mt kif ukoll mill-paġna tal-facebook www.facebook.com/NAOMalta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en