STQARRIJA MINN DR LYDIA ABELA, MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Rigal bi Mħabba b’għan filantropiku u sostenibbli fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex
Għall-ewwel darba mit-tnedija tal-inizjattiva 'Rigal bi Mħabba' lura fl-2020, l-edizzjoni ta' din is-sena se tkun qiegħda ssir b'kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali.
Mill-mixtla ta' Ambjent Malta, tqassmu 68 siġra taċ-ċipress lil kull Kunsill Lokali bħala simbolu ta' din l-inizjattiva, bil-ħsieb li anke l-edizzjoni ta' din is-sena tkun suċċess.
Dr Lydia Abela qalet li bil-għan li aktar nies ikunu jistgħu jipparteċipaw f'din l-inizjattiva b'għan filantropiku, il-kollaborazzjoni qed issir bil-għan li r-residenti f'kull belt u raħal ikollhom l-opportunità li jpoġġu rigal taħt is-siġra fil-lokalità rispettiva tagħhom, jekk ma jkunux jistgħu jmorru bir-rigal fi Pjazza Kastilja. “Is-sehem tar-residenti kollha juri biċ-ċar il-ġenerożità u s-solidarjetà li għandu l-poplu Malti u Għawdxi", stqarret mart il-Prim Ministru filwaqt li ħeġġet lil kulħadd jipparteċipa fil-lokalità rispettiva tiegħu jew tagħha.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li permezz ta' din l-inizjattiva, se nkomplu nilħqu aktar tfal. “Xtaqna li nagħmlu din l-edizzjoni ta' 'Rigal bi Mħabba' iżjed faċli għal dawk li minħabba raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu jidħlu ġewwa l-Belt Valletta. Fit-tmiem ta' din l-edizzjoni, is-siġar se jitħawwlu fil-lokalitajiet rispettivi b'tifkira ta' din l-inizjattiva", qalet il-Ministru Dalli.
Is-Segreterju Parlamentari Alison Zerafa Civelli nnutat li l-Kunsilli Lokali kollha qegħdin jipparteċipaw fl-inizjattiva Rigal bi Mħabba u faħħret il-ħidma tagħhom. Hija ħeġġet lir-residenti jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex jiġi aċċertat li din is-sena t-tfal kollha jkollhom rigal bi mħabba.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en