STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Pixxina oħra fin-naħa t’isfel ta’ Malta għat-tgawdija ta’ aktar sportivi
Permezz ta' ftehim, il-gvern għadda art f'Birżebbuġa bi skop speċifiku li tinbena pixxina b'ilma msaħħan fin-naħa t'isfel ta' Malta. L-art, li għaddiet lill-Birżebbuġa Aquatic Sport Club, se tiġi trasferita lill-klabb għal perjodu ta' 45 sena b'kera ssussidjata sostanzjalment, kif inhi l-prattika tal-gvern għal żoni magħżula għall-isports. F'għeluq il-45 sena, il-ftehim jista' jerġa' jiġġedded. Apparti pixxina b'ilma msaħħan, se jinbnew ukoll terrazzi għall-ispettaturi.
“Din tal-lum hija parti mill-ħidma tal-Ministeru għas-settur tal-isports, dik li jkompli jgħolli l-livell tal-isport f'pajjiżna anki fuq livelli lokali, filwaqt li jkompli jaħdem biex l-isport isir aktar aċċessibbli għal kulħadd", qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima waqt l-iffirmar tal-ftehim. Huwa kompla li, “Dan it-trasferiment tal-art juri l-impenn tal-gvern li jkompli jwettaq il-wegħdiet sportivi elettorali tiegħu, inizjattivi li l-għan tagħhom huwa li l-klabbs u l-federazzjonijiet sportivi jkollhom l-għodda u l-faċilitajiet biex ikompli jikbru".
B'dan l-investiment fil-faċilitajiet għall-isportivi u d-dilettanti ta' din it-tip ta' dixxiplina sportiva, il-waterpolo u l-għawm, issa n-naħa t'isfel ta' Malta se jkollha wkoll pixxina b'ilma msaħħan, flimkien ma' dik ta' Bormla li kienet inawgurata ftit tal-ġimgħat ilu.
Fis-snin riċenti l-gvern għadda wkoll art lil diversi assoċjazzjonijiet għal għan sportiv, u b'hekk dawn il-klabbs u oħrajn qed ikabbru l-operat tagħhom biex jilħqu aktar tfal u żgħażagħ. Hija l-politika tal-Gvern li jagħti l-għodda lil klabbs u għaqdiet sportivi biex dawn ikunu jistgħu joperaw b'mod sostenibbli biex ikunu jistgħu jagħmlu investiment fl-atleti tagħhom u għalhekk fiż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
Dawn il-faċilitajiet ta' Birżebbuġa se jkunu wkoll għall-użu tal-Youth Nursery tal-Klabb u fil-ħinijiet tal-iskola, bi ftehim, tinfetaħ għall-użu tat-tfal tal-iskola.
Matthew Pisani, f'isem SportMalta, stqarr li l-entità dejjem se tkun ta' spalla għal kull klabb u organizzazzjoni sportiva biex dan is-settur ikompli jikber. “Il-ħidma tagħna qed twassal biex iktar klabbs u assoċjazzjonijiet ikollhom faċilitajiet sportivi professjonali fejn jipprattikaw id-dixxiplina sportiva tagħhom, filwaqt li jkunu jistgħu wkoll jilqgħu kompetizzjonijiet internazzjonali f'ambjent professjonali", qal Pisani.
Min-naħa tiegħu, il-President ta' Birżebbuġa Aquatic Sport Club, Jason Bonnici, filwaqt li rringrazzja lill-Ministru Grima għall-impenn tiegħu fis-settur sportiv, qal li dan se jkun pass kbir 'il quddiem fl-istorja ta' dan il-klabb. “Il-membri tal-klabb u l-poplu ta' Birżebbuġa issa se jkollu faċilità mill-aqwa u ta' livell għoli, li minnu se jgawdu mhux biss in-nies tal-lokal, imma wkoll il-poplu kollu b'mod ġenerali", qal Bonnici.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en