STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA 146 substations ġodda jew rinfurzati f’Malta u Għawdex f’sentejn
Il-Ministru ghall-Enerġija Miriam Dalli tiltaqa' mal-ħaddiema ta' Enemalta waqt xogħlijiet f'Ħad-Dingli
Enemalta investiet f'146 substation ġodda jew rinfurzati f'dawn l-aħħar sentejn, hekk kif qed tħejji biex taċċellera l-investiment tagħha fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-2024, biex tkompli ttejjeb il-kwalità tas-servizzi tad-dawl fil-gżejjer Maltin.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ddiskutiet l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan mat-tmexxija u l-ħaddiema ta' Enemalta waqt żjara li għamlet fuq l-aħħar xogħlijiet tat-tisħiħ ta' substation oħra f'Ħad-Dingli. B'dan ix-xogħol, l-Enemalta qed tirdoppja l-kapaċità ta' waħda mis-substations prinċipali f'din il-lokalità bi transformer ġdid, sabiex iżżid il-kapaċità u l-flessibilità tan-network fl-inħawi.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li l-Enemalta teħtieġ tkompli taċċellera l-investiment fl-infrastruttura tal-elettriku biex tkompli tilħaq għad-domanda tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiż.
“Enemalta tħaddem 'il fuq minn 1,650 substations biex tissupplixxi d-dawl f'kull lokalità. Bir-rinfurzar fis-substations u ż-żieda t'oħrajn ġodda, qegħdin inżidu l-kapaċita' fin-network filwaqt li nintroduċu teknoloġiji aktar effiċjenti, bħal pereżempju sistemi ta' remote switching, li jgħinu lill-inginiera u t-tekniċi ta' Enemalta jirrispondu għal diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu b'aktar ħeffa, mingħajr il-bżonn li jivvjaġġaw minn post għal ieħor biex jixgħelu konnessjonijiet alternattivi. Flimkien mal-investimenti li qed nagħmlu f'partijiet oħra tal-grid nazzjonali, dan ix-xogħol ta' rinfurzar qed ikompli jtejjeb is-servizzi tal-elettriku għall-familji u n-negozji," qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru fakkret li dan l-investiment ser ikompli fis-sena l-ġdida. “Is-sajf li għadda wegħdna li l-investiment fl-infrastruttura tal-elettriku ser jirdoppja fl-2024. Ser immorru oltre minn hekk billi allokajna iktar minn tliet darbiet dak li oriġinarjament ippjanajna, b'investiment totali ta' €55 miljun fis-sistemi tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku."
Iċ-Ċermen Eżekuttiv ta' Enemalta Inġ. Ryan Fava spjega kif fl-2024 il-Kumpanija ser iżżid madwar 45 substations ġodda, filwaqt li 40 substation oħra ser jiġu msaħħa b'tagħmir ta' switchgear ġodda u transformers akbar.
“Qed naħdmu wkoll biex inżidu l-konnessjonijiet tal-cables ta' 11-il kilovolt bejn is-substations, kif ukoll dawk ta 400/230 volt li jwasslu d-dawl mis-substation għand il-klijenti tagħna. Irridu nkomplu nżidu dawn il-konnessjonijiet biex meta jkun hemm diffikultajiet ikollna iktar riżorsi li bihom nistgħu ngħinu lill-klijenti mingħajr dewmien. Huwa għalhekk li qed inwettqu din il-ħidma flimkien ma' Infrastructure Malta u Transport Malta, biex inżidu madwar 70 kilometru ta' cables ta' 11-il kilovolt fis-sitt xhur li ġejjin," qal Inġ. Fava.
Enemalta qed tippjana wkoll proġetti oħrajn li ser jitwettqu fis-snin li ġejjin, fosthom iċ-ċentri tad-distribuzzjoni ġodda fin-Naxxar u s-Siġġiewi, l-immodernizzar taċ-ċentru tad-distribuzzjoni fl-Imsida u t-tkabbir taċ-ċentru tad-distribuzzjoni ta' St. Andrew, f'Pembroke. It-tħejjijiet għal dawn il-proġett diġa bdew. Il-ġimgħa li għaddiet ħarġet sejħa għall-offerti għall-iżvilupp taċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar.
Proġett importanti ieħor huwa l-konnessjoni ġdida ta' 132 kilovolt bejn it-Terminal tal-Interconnector bejn Malta u l-Italja fil-Magħtab u ċ-ċentru tad-distribuzzjoni tal-Mosta. Dan ser jirdoppja l-konnessjoni bejn l-Interconnector u n-network lokali filwaqt li jħejji għat-tieni interconnector bejn Malta u l-Italja, li qed jiġi żviluppat minn Interconnect Malta.
Għal aktar tagħrif, żur is-sit enemalta.com.mt jew segwi Enemalta u Sostenibilità fuq il-mezzi soċjali.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en