Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Inawgurat mużew ekkleżjastiku fil-Mellieħa

PR231955
Date Icon 11/12/2023

B'investiment konġunt ta' €643,000 mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, mill-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta' Malta u mill-fondi Ewropej, ġie inawgurat Pilgrim's Lodge, mużew ekkleżjastiku ġdid biswit is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna tal-Mellieħa.

Dan il-mużew, li l-binja tiegħu hi waħda mill-eqdem fil-Mellieħa, joffri tagħrif dwar l-istorja tas-Santwarju tal-Mellieħa kif ukoll oġġetti devozzjonali użati mis-santwarju matul is-snin. Permezz ta' dawn l-oġġetti, kull min se jżur il-post jista' jesperjenza dak li għexu l-pellegrini li matul is-snin żaru l-Madonna tal-Mellieħa sabiex tinterċedi għalihom fil-bżonnijiet tagħhom.

Id-dettalji tħabbru waqt ċerimonja tal-inawgurazzjoni uffiċjali li għaliha attendew il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, l-Arċipriet tal-Parroċċa tal-Mellieħa Dun Joe Caruana, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, rappreżentanti tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta' Malta u mistednin distinti oħrajn.

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo rrimarka li dan il-mużew ekkleżjastiku huwa opportunità li permezz tiegħu pajjiżna jkompli jsaħħaħ il-prodott tiegħu fejn tidħol in-niċċa tat-turiżmu reliġjuż. “Fejn jidħlu tradizzjonijiet reliġjużi, il-Gżejjer Maltin huma rinomati għall-festi interni u esterni li jsiru fl-irħula u l-ibliet matul ix-xhur sajfin. Madankollu, attrazzjonijiet ta' din l-għamla jgħinu bil-kbir biex il-Maltin, l-Għawdxin u t-turisti jgawdu mill-istorja kulturali reliġjuża li taf toffri Malta matul is-sena kollha," saħaq il-Ministru Clayton Bartolo.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li kif jixhed proġett bħal dan, l-għajnuna ta' fondi Ewropej flimkien ma' dawk nazzjonali, qegħdin jintużaw sabiex jiġu konservati diversi oqsma tal-wirt kulturali ta' pajjiżna filwaqt li jiżdied il-valur tal-prodott turistiku Malti.

“Hekk kif wasalna fl-aħħar tal-programm ta' fondi Ewropej 2014-2020, proġetti bħal dawn jenfasizzaw il-mira tal-gvern li qiegħed juża r-riżorsi kollha sabiex jinvesti fil-preservazzjoni ta' siti kulturali, ikunu jistgħu jitgawdew fit-tul mil-ġenerazzjonijiet li ġejjin filwaqt li jservu ta' benefiċċju mhux biss għat-turisti iżda ukoll għall-komunità u ta' tifkira tal-istorja rikka ta' pajjiżna," tenna Dr Bonett.

L-Isqof Joseph Galea-Curmi rringrazzja lil kull min ta sehmu u qal li dan il-mużew, li sar b'ħafna ħidma minn entitajiet differenti, juri l-frott li tħalli meta kulħadd jaħdem flimkien u jiġbed ħabel wieħed. Enfasizza li dan il-proġett u l-ħafna oħrajn li ġew inawgurati fl-aħħar snin juru l-bżonn li ngħożżu l-patrimonju li ħallewlna missirijietna għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin tal-lum u sabiex lill‑ġenerazzjonijiet li ġejjin inħallulhom wirt tassew sabiħ.

L-Arċipriet tal-Mellieħa, Dun Joe Caruana, qal li dan il-proġett kien impenjattiv għaliex minbarra r-restawr tal-ġebla tal-kmamar  u l-installazzjoni ta' servizzi ġodda, l-ikbar proġett kien li jissaħħew il-pedamenti tal-binja kawża tal-ħsarat strutturali li l-post ġarrab mal-medda taż-żmien. B'mod partikolari, hu rringrazzja lill-komunità Melliħija li emmnet fil-proġett u tat is-sostenn tagħha biex dan jitwettaq.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta' Malta Michael Pace Ross irringrazzja lill-ħaddiema kollha li kienu involuti f'dan il-proġett, fosthom Gabriella Mallia mill-EMCS, Suzannah Depasquale u Theresa Vella mill-Curatorial Studio u lil Mardeo Farrugia li ħa ħsieb l-andament tal-proġett.

Pilgrim's Lodge jagħmel parti mit-33 proġett ta' restawr li l-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta' Malta qed twettaq sabiex issir il-konservazzjoni, il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali ekkleżjastiku. 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Inawgurat mużew ekkleżjastiku fil-Mellieħa
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Inawgurat mużew ekkleżjastiku fil-Mellieħa
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Inawgurat mużew ekkleżjastiku fil-Mellieħa
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow