STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Il-Ministru Miriam Dalli tmexxi n-negozjati tal-UE dwar l-adattament għall-klima waqt COP28
Din hija l-ewwel darba li Malta qed tifforma parti mit-tim tan-negozjati tal-UE
Malta qed tifforma parti mit-tim tan-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea li qed imexxi n-negozjati dwar il-ftehim finali dwar il-klima li se jiġi adottat mill-Konferenza COP28, il-Laqgħa tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar it-Tibdil fil-Klima. Hekk kif ħafna pajjiżi minn madwar id-dinja qed jiltaqgħu f’Dubaj biex jinnegozjaw pożizzjoni kollettiva dwar it-tibdil fil-klima, l-Unjoni Ewropea qed tieħu rwol ċentrali bħala waħda mill-protagonisti f’dawn it-taħditiet. Wieħed mis-suġġetti li bħalissa qed jiġi diskuss ħafna huwa l-programm għall-mira globali dwar l-adattament. F’dawn in-negozjati, l-Unjoni Ewropea qed tiġi rappreżentata mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Ministru għall-Azzjoni dwar il-Klima, l-Ambjent, l-Enerġija, l-Mobbilità, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija Leonore Gewessler. Din hija l-ewwel darba li Malta ntgħażlet biex tkun parti mit-tim ta’ negozjaturi tal-Unjoni Ewropea fit-tmexxija ta’ waħda mit-temi ewlenin waqt konferenza tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar it-Tibdil fil-Klima.
Hekk kif din il-konferenza ta’ 12-il jum qed toqrob lejn tmiemha, il-197 pajjiż li qed jiltaqgħu f’Dubaj qed jaħdmu biex jilħqu ftehim dwar soluzzjonijiet effettivi għall-emerġenza fil-klima. Din is-sena Malta kellha rwol attiv ħafna waqt din il-laqgħa tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-Klima u organizzat diversi attivitajiet iffukati fuq l-isfidi differenti marbuta mat-tibdil tal-klima, speċjalment dwar l-isfidi u s-soluzzjonijiet għal stati membri gżejjer żgħar. Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li l-involviment ta’ Malta fin-negozjati qed jibgħat messaġġ ċar dwar il-pożizzjoni ta’ Malta, xhieda li anke pajjiżi żgħar jista’ jkollhom rwol b’saħħtu fl-innegozjar ta’ ftehim li jeħtieġ il-kunsens tal-istati kollha biex jirnexxi. “Il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta, qed jimbuttaw għal riżultati b’saħħithom minn dawn il-laqgħat tal-COP, filwaqt li jmexxu bl-eżempju permezz ta’ objettivi speċifiċi u effettivi. Malta tibqa’ determinata li ssostni din id-direzzjoni filwaqt li tagħti prijorità lill-opportunitajiet li l-azzjoni dwar il-klima jistgħu joħolqu. Qed ninsistu li nibqgħu nżommu mal-prinċipju li kull ftehim għandu jżomm mal-impenn li ma naqbżux il-mira tat-tisħin globali ta 1.5 °C”, qalet il-Ministru Dalli.
Fost il-miżuri ta’ adattament li qed jiġu diskussi hemm inizzjattivi marbutin mal-iskarsezza tal-ilma, inizzjattivi li jiżguraw il-provvista t’ikel u l-produzzjoni agrikola, it-tisħiħ tar-reżiljenza kontra l-impatti fuq is-saħħa, il-ħarsien tal-ekosistemi, infrastruttura aktar reżiljenti, miżuri kontra l-faqar minħabba l-impatti tal-klima, kif ukoll il-ħarsien tal-wirt kulturali. Dan kollu jirrikjedi li l-pajjiżi jidentifikaw l-akbar riskji li qed jiffaċċjaw minħabba t-tibdil fil-klima. Dan iwassal biex kull pajjiż jipprepara u jadatta biex il-konsegwenzi ta’ dawn l-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima jitnaqqsu kemm jista’ jkun. B’hekk tkun imħarsa l-ħajja u r-reżiljenza ta’ komunitajiet differenti. Il-Presidenza tal-Konferenza f’Dubaj mistennija tagħlaq COP28 bi ftehim ġdid nhar it-Tlieta 12 ta’ Diċembru, madankollu jonqos diversi punti li jeħtieġ jinkiseb qbil dwarhom. Il-konferenza bdiet fl-1 ta’ Diċembru bl-għan ewlieni li tgħaqqad, twettaq u tikseb ir-riżultati (‘Unite. Act. Deliver’).
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en