Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA: L-Enemalta taġġorna lill-MCESD dwar l-investiment fl-infrastruttura tal-elettriku li qed issir b’ħidma aċċellerata

pr231944
Date Icon 07/12/2023

Aktar minn 70 kilometru ta’ cables taħt l-art ġodda fis-sitt xhur li ġejjin

L-Enemalta ppreżentat aġġornament dwar it-twettiq tal-pjan biex issaħħaħ l-infrastruttura tal-elettriku, waqt laqgħa mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) bis-sehem tal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli. 

Din il-laqgħa segwiet oħra li saret erba’ xhur ilu, meta l-gvern ħabbar li għas-sena li ġejja se jirdoppja l-investiment fl-infrastruttura tal-elettriku, biex jilqa’ għall-impatt tat-tisħin globali u kundizzjonijiet estremi tat-temp ikkawżati mit-tibdil fil-klima.

“Meta ltqajna magħkom wegħdnikom li se nirdoppjaw l-investiment fl-infrastruttura tal-elettriku. Mhux talli rduppjajna l-investiment, imma aktar milli ttriplikajna l-investiment, filwaqt li bqajna għaddejjin bix-xogħol fis-sistema ta’ distribuzzjoni, liema xogħol se jintensifika ħafna aktar fix-xhur li ġejjin b’ħidma bejn l-Enemalta, Infrastructure Malta u Transport Malta,” sostniet il-Ministru Dalli.

Il-Ministru Dalli spjegat li l-Enemalta qed taħdem biex tgħaġġel il-pjanijiet tat-tisħiħ tan-network tal-elettriku, kemm dawk fl-immedjat, medji u fit-tul. Filwaqt li għaddejjin diversi xogħlijiet, din il-ġimgħa l-kumpanija ħarġet sejħa għall-offerti għall-iżvilupp taċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar. Dan filwaqt li għaddejjin it-tħejjijiet għal proġetti maġġuri oħrajn.

“Il-gvern qed jalloka aktar fondi lokali u Ewropej biex ikompli jinvesti fl-infrastruttura elettrika tagħna, biex inżidu l-kapaċità, insaħħu r-reżiljenza tan-network, inżidu s-sigurtà tal-provvista u nippreparaw għal aktar proġetti t’enerġija nadifa fil-futur,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-gvern qed jaħdem biex fl-2024 iniedi l-ewwel sejħa f’Malta għall-investiment privat fl-enerġija rinnovabbli offshore, u biex jiżviluppa l-ewwel sistemi ta’ ħażna t’enerġija bil-batteriji f’pajjiżna, bħala parti mill-pjan biex is-settur tal-enerġija jiġi dekarbonizzat. Waslu fi stadju avvanzat il-preparamenti għat-tieni interconnector fil-baħar bejn Malta u l-kumplament tal-Ewropa.

Iċ-Ċermen Eżekuttiv ta’ Enemalta, Inġ. Ryan Fava spjega li fis-sitt xhur li ġejjin, Enemalta se tqiegħed aktar minn 70 kilometru ta’ cables ta’ vultaġġ medju taħt l-art, erba’ darbiet daqs it-tul ta’ cables ġodda li żdiedu man-network fis-sentejn li għaddew. Dan ix-xogħol qed isir bl-għajnuna ta’ Infrastructure Malta u Transport Malta. 

Din l-estensjoni ta’ ’l fuq minn 70 kilometru fis-sistema tad-distribuzzjoni se żżid aktar konnessjonijiet alternattivi bejn partijiet differenti tan-network, biex meta jinqalgħu diffikultajiet tkun tista’ tagħti lura l-provvista f’inqas ħin. 

Sadanittant, is-sena d-dieħla l-kumpanija ser tkompli twettaq il-pjan ta’ sitt snin tagħha, b’45 substation ġdida u t-tisħiħ ta’ ħafna oħrajn eżistenti, kif ukoll b’aktar feeders 400/230V ġodda.

“Dawn l-investimenti ser jgħinu lil Enemalta żżid il-flessibilità tan-network biex tnaqqas ir-riskji ta’ qtugħ fil-provvista lill-klijenti filwaqt li tikseb aktar konnessjonijiet alternattivi sabiex meta jinqalgħu diffikultajiet, tagħti lura l-provvista f’inqas ħin,” qal l-Inġ. Fava.  

Il-kumpanija se tkompli għaddejja bit-tħejjijiet ta’ proġetti kbar oħrajn li se jkunu qed jitlestew fi-snin li ġejjin, inkluż konnessjoni ġdida ta’ 132 kilovolt bejn it-Terminal tal-Interconnector fil-Magħtab u ċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni fil-Mosta, biex tikkonsolida l-konnessjonijiet prinċipali bejn l-interconnector ta’ bejn Malta u l-Italja u n-network tad-distribuzzjoni tal-enerġija lokali. Qed jiġu ppjanati wkoll żewġ ċentri tad-distribuzzjoni fin-Naxxar u s-Siġġiewi, kif ukoll tisħiħ taċ-ċentri tad-distribuzzjoni eżistenti fl-Imsida u St Andrew’s (Pembroke).

Fl-2022 u 2023, l-Enemalta xegħlet 80 substastion ġdida. Il-kumpanija lestiet ukoll tisħiħ ta’ 66 substation oħra u installat mal-145 feeders 400/230V f’lokalitajiet differenti. Lestiet ukoll proġetti oħra biex iżżid il-kapaċità taċ-ċentri tad-distribuzzjoni f’Wied il-Għajn, Ħal Tarxien u l-Imrieħel.

Għal aktar informazzjoni, żur enemlta.com.mt jew segwi il-midja soċjali ta’ Enemalta.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA: L-Enemalta taġġorna lill-MCESD dwar l-investiment fl-infrastruttura tal-elettriku li qed issir b’ħidma aċċellerata
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA: L-Enemalta taġġorna lill-MCESD dwar l-investiment fl-infrastruttura tal-elettriku li qed issir b’ħidma aċċellerata
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow