STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Ir-rapport PISA (2022) maħruġ mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), juri li l-istudenti Maltin u Għawdxin għamlu progress fix-Xjenza meta mqabbel mal-aħħar rapport maħruġ fl-2018. Fil-Matematika u l-Qari, ir-riżultati ta' pajjiżna huma konsistenti ma' dawk tal-aħħar rapport tal-2018.
Dan ir-rapport huwa programm tal-OECD għall-valutazzjoni internazzjonali tal-istudenti u jkejjel il-kapaċità ta' żgħażagħ ta' 15-il sena li jużaw l-għarfien u l-ħiliet tagħhom fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza biex jilqgħu għall-isfidi tal-ħajja reali. Dan l-eżerċizzju jsir kull tliet snin, madankollu minħabba l-pandemija tal-COVID-19 ma sarx fl-2021, u sar is-sena li għaddiet.
Il-pandemija affettwat lill-pajjiżi kollha, kif jixhdu r-riżultati f'dan ir-rapport, tant li bħala medja, fix-Xjenza l-pajjiżi kollha baqgħu konsistenti mar-rapport tal-2018, b'Malta ttejjeb il-pożizzjoni tagħha b'9 punti, fil-Matematika bħala medja l-pajjiżi kollha naqsu b'15-il punt (Malta naqset b'6 punti), filwaqt li fil-Qari bħala medja l-pajjiżi kollha naqsu b'10 punti (Malta bi 3 punti).
Ir-rapport juri li f'Malta madwar 13% tal-istudenti li ġejjin minn sfond soċjo-ekonomiku żvantaġġat, kklassifikaw fl-għola kwart tal-prestazzjoni fil-Matematika. Ir-rapport jgħid li dawn l-istudenti jistgħu jitqiesu bħala akkademikament reżiljenti għaliex, minkejja l-iżvantaġġ soċjo-ekonomiku, kisbu eċċellenza edukattiva meta mqabbel ma' studenti oħrajn f'Malta stess. Il-perċentwal ta' 13% huwa aħjar mill-medja fil-pajjiżi tal-OECD, li hija dik ta' 10%.
Fost statistika oħra, r-rapport juri li 91% tal-istudenti jħossuhom siguri fil-klassi tagħhom, 76% tal-istudenti jinsabu kuntenti bl-andament tal-ħajja tagħhom, filwaqt li ġie nnutat ukoll tnaqqis fir-rata tal-istudenti li jirrapportaw każi ta' bbulljar.
Ir-rapport jgħid li dawn ir-riżultati huma l-ewwel riżultati li juru l-andament tal-edukazzjoni dinjija u kif il-pandemija ħalliet impatt sinifikattiv fuq it-tagħlim tal-istudenti.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qed jilqa' għal dan l-impatt, anki qabel ġie ppubblikat dan ir-rapport billi mexxa 'l quddiem diversi strateġiji u inizjattivi sabiex jindirizza b'mod konkret dawn l-effetti.
Fost dawn, fl-aħħar xhur il-Ministeru ppubblika u beda jimplimenta l-Istrateġija tal-Early Leaving from Education and Training (ELET), b'enfasi fil-bidla fl-approċċ minn kumpens għal prevenzjoni, b'ħidma ffukata fuq is-snin bikrin. Fost dawn, programm ġdid li se jindirizza lill-istudent b'mod sħiħ kemm mill-aspett akkademiku kif ukoll mill-aspett psiko-soċjali. Se jkunu wkoll imsaħħa l-programmi tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, speċjalment dawk li jolqtu l-faxex meqjusa bħala soċjo-ekonomiċi żvantaġġati u programmi ta' intervent bikri fejn jidħol il-qari.
Apparti dan, l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 il-ġdida, li dalwaqt se tkun imnedija għall-aħħar fażi ta' konsultazzjoni, tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru u b'mod integrat tara li l-istudent ikun qiegħed jilħaq l-livelli neċessarji fil-litteriżmu kemm numeriku u dak diġitali, u l-livelli neċessarji fil-ħiliet li għandu bżonn biex jagħmluh ċittadin tas-seklu 21.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en