STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Proċess ġdid għall-applikazzjoni tal-ħaddiema barranin b'ħiliet għolja
F’Jannar li ġej, l-Aġenzija Identità se tkun qed tniedi proċess ġdid u aktar effiċjenti għall-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin ikkwalifikati u b’livell għoli ta’ ħiliet. Filwaqt li tkompli tibni fuq is-suċċess tal-Key Employee Initiative (KEI), l-Aġenzija qed tkompli testendi dan il-proċess simplifikat għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’livell għoli ta’ ħiliet.
L-Ispecialist Employee Initiative (SEI) hija estensjoni tal-Key Employee Initiative u hija maħsuba għal ħaddiema speċjalizzati iżda li bħalissa ma jilħqux il-kriterji tal-iskemi eżistenti. L-applikanti jrid ikollhom offerta ta’ impjieg f’Malta marbuta ma’ paga bażika gross ta’ €25,000. L-applikazzjonijiet SEI se jiġu pproċessati fi żmien ħmistax-il jum ta’ xogħol mid-data tas-sottomissjoni kompluta tal-applikazzjoni. Dan japplika biss f’dawk l-istanzi li ma jkunx possibbli li jinstab impjegat Malti jew ċittadin tal-Unjoni Ewropea sabiex jimla’ dak il-post vakanti.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri fakkar li din l-inizjattiva hija waħda mill-miżuri fil-programm elettorali tal-Gvern. Hija wkoll metodu kif jinħoloq proċess spedit u effiċjenti għal dawk l-employers li jimpjegaw ħaddiema ta’ kwalità.
“Permezz ta’ din l-inizjattiva qed nassistu lil dawk in-negozji u kumpaniji f’Malta li joffru impjiegi ta’ kwalità b’pagi tajbin. Filwaqt li l-ewwel preferenza għandu jibqa’ dejjem il-ħaddiem Malti, b’inizjattivi bħal dawn qed nassiguraw li nkomplu nilħqu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol lokali issa u fil-futur. Min-naħa l-oħra se jibqa’ jkun hemm id iebsa ħafna kontra dawk il-kumpaniji jew persuni li jabbużaw mill-ħaddiema. B’dan il-mod qed inkomplu nħajru dawn il-kumpaniji li jimxu fit-triq li jagħfsu iżjed fuq il-kwalità,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.
L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Identità Mark Mallia qal “Permezz ta’ proċess t’applikazzjoni aktar effiċjenti se jibbenefika kemm min iħaddem u min qed ifittex impjegati tas-sengħa, kif ukoll lill-impjegati nfushom li jfittxu impjieg ġdid. Aħna nifhmu l-importanza li nkomplu nattiraw talent ta’ kwalità u tal-ogħla livell minn madwar id-dinja, u l-aħħar inizjattiva qed turi l-impenn tagħna biex nissimplifikaw il-proċess ta’ applikazzjoni għall-ħaddiema barranin kwalifikati.”
Huwa kompla jispjega li l-applikanti jridu jissodisfaw kriterji speċifiċi biex jiġu kkunsidrati għall-iSpecialist Employee Initiative, fosthom paga bażika gross ta' €25,000. L-impjegat għandu jkollu kwalifiċi ta’ Livell MQF 6 jew ogħla f’qasam direttament relatat mal-pożizzjoni offruta f’Malta jew kwalifiċi akkademiċi alternattivi, vokazzjonali, jew ħiliet iċċertifikati li jikkorrispondu għal-livell MQF inqas mil-Livell 6, iżda li huma direttament relevanti għall-pożizzjoni offruta f’Malta. Barra minn hekk, l-impjegat għandu jipprovdi dokumentazzjoni li tipprova li għandu esperjenza ta’ tliet snin relevanti għall-impjieg li se jkun ingaġġat fih, fosthom kuntratti ta' xogħol preċedenti, employment history dokumentata uffiċjalment, u ittri ta’ referenza.
Intant, saret reviżjoni tal-Key Employment Initiative biex tkun taqbel mal-aġġustamenti tas-salarji implimentati matul is-snin. Għaldaqstant, sabiex applikanti jkunu eliġibbli għall-KEI issa jrid ikollhom salarju bażiku gross ta’ €35,000 minimu. Dawn iż-żewġ inizjattivi, KEI u SEI, jippromwovu ħaddiema barranin b’livell għoli ta’ ħiliet.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en