STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR L-infurzar u t-taħriġ b’rabta mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għandhom ikunu kkumplimentati b’bidla fil-kultura
L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) organizzat seminar dwar ir-responsabbiltajiet u d-dmirijiet relatati mas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fi ħdan is-settur pubbliku. Dan sar bħala parti mill-kampanja ta’ informazzjoni li qed tagħmel din l-Awtorità sabiex tkompli żżid l-għarfien dwar ambjent tax-xogħol san u sigur għal kull ħaddiem.
Waqt li kien qed jindirizza dan is-seminar, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq fuq l-importanza ta’ aktar għarfien dwar dan is-suġġett.
“Biex ikollna aktar saħħa u sigurtà fuq kull post tax-xogħol, irridu nkomplu nsaħħu l-infurzar iżda dan irid ikun ikkumplimentat b’aktar għarfien u taħriġ. Hemm bżonn bidla sħiħa fil-kultura sabiex wieħed jifhem li r-regolamenti qegħdin hemm biex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa tal-ħaddiem u mhux biex jiġu evitati l-multi,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Il-ministru tkellem ukoll dwar il-ħidma kontinwa li tinsab għaddejja anke fuq livell ta’ Gvern, sabiex jsiru l-aġġornamenti meħtieġa, anke fil-fażi ta’ procurement, sabiex min japplika għal tenders tal-Gvern, jiġi evalwat mhux biss mill-aspett finanzjarju, iżda anke fuq il-miżuri ta’ saħħa u sigurtà li se jkun qed jieħu tul it-twettieq tal-proġett.
Fl-indirizz tagħha, l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Josianne Cutajar saħqet fuq l-importanza ta’ dawn is-seminars fejn rappreżentanti ta’ entitajiet fi ħdan is-settur pubbliku ikollhom l-opportunità jipparteċipaw f’diskussjoni wiesgħa u jressqu l-ħsibijiet tagħhom.
“Qed norganizzaw dawn is-seminars biex inżidu aktar għarfien u bdejna proprju mill-amministrazzjoni tas-servizz pubbliku biex inkomplu nxerrdu l-informazzjoni ta’ prevenzjoni sabiex innaqqsu l-perikli u r-riskji, partikolarment f’siti ta’ kostruzzjoni,” qalet Josianne Cutajar.
Għal dan is-seminar attenda wkoll il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en