STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI: Malta kompliet tenfasizza biex ma titnaqqasx l-età tal-liċenzja tas-sewqan
Malta ma taqbilx li tnaqqas l-età tal-liċenzja tas-sewqan tal-karozzi għal 17-il sena. Dan qalu l-Ministru Aaron Farrugia waqt il-Kunsill tal-Ministri għat-Trasport fi Brussell, u żied li din id-deċiżjoni tikkontradixxi l-isforzi ta' Malta dwar is-sigurtà, l-konġestjoni u d-dekarbonizzazzjoni.
Minkejja li ħafna mill-Istati Membri l-oħra appoġġjaw din il-proposta, Malta ma tatx l-appoġġ tagħha għal din il-proposta, li issa se tiġi nnegozjata mal-Parlament Ewropew. Waqt id-diskussjoni dwar it-tnaqqis obbligatorju tal-età tal-liċenzja tas-sewqan, il-Ministru Farrugia sostna li din id-deċiżjoni għandha tibqa' fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri b'mod individwali.
Rigward il-pakkett tas-sigurtà fit-toroq, Malta tilqa' t-titjib li sar f'dan ir-rigward fejn se jkun hemm skambju ta' informazzjoni dwar reati tas-sigurtà fit-toroq u miżuri oħra bħal tolleranza żero għas-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol u regoli ta' ttestjar aġġornati, fost oħrajn.
Waqt il-laqgħa ntlaħaq appoġġ ġenerali fuq seba' proposti fi ħdan il-pakketti dwar is-Sigurtà Marittima, l-Merkanzija Ekoloġika, u s-Sigurtà fit-Toroq, filwaqt li ddiskuta wkoll emendi għall-waqfien temporanju f'servizzi tat-trasport tal-passiġġieri.
Barra minn hekk, Malta flimkien mal-Kroazja, Ċipru, l-Greċja, l-Italja, u l-Portugall, tennew it-tħassib tagħhom dwar l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-EU-ETS fuq is-settur marittimu u r-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. F'ittra lill-Kummissarji Šefčovič, Valean, u Hoekstra, huma talbu għal miżuri korrettivi urġenti biex jimmitigaw l-effetti negattivi fuq il-portijiet tal-UE u l-ekonomiji tal-Istati Membri.
Il-Ministru Farrugia enfasizza l-importanza tal-bilanċ fl-ETS tul in-negozjati li għaddejjin. Malta rrikonoxxiet il-konsiderazzjoni tat-tħassib tagħha fil-Pakkett tas-Sigurtà Marittima, u enfasizzat il-ħtieġa li tiġi bbilanċjata l-kompetittività tas-settur tat-tbaħħir tal-UE ma' settur tat-trasport marittimu sigur u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en