STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Fondi Ewropej għall-Kunsilli Lokali u Reġjonali
L-aġenzija Servizzi Ewropej f'Malta (SEM), flimkien mad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, organizzat konferenza dwar il-benefiċċji tal-Fondi Ewropej għall-Kunsilli Lokali u Reġjonali, bit-tema 'Insaħħu l-Komunitajiet Tagħna bil-Fondi Ewropej'.
L-għan ta' din l-attività kien li iżjed Kunsilli Lokali u Reġjonali jibdew jibbenefikaw minn fondi Ewropej billi jisfruttaw l-assistenza li tingħata minn SEM u diversi entitajiet tal-Gvern u b'hekk ikomplu jwettqu stejjer ta' suċċess fil-komunitajiet f'pajjiżna.
Waqt il-konferenza, ġie spjegat kif SEM tgħin Kunsilli Lokali u Reġjonali jakkwistaw fondi Ewropej u jingħataw l-għajnuna neċessarja għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom. Id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u kif ukoll l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali tkellmu dwar l-appoġġ tagħhom biex aktar Kunsilli u Reġjuni jibbenefikaw mill-opportunitajiet li joffru fondi Ewropej.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett spjega kif il-Kunsilli Lokali u Reġjonali m'għandhomx joqgħodu lura milli jaħsbu f'ideat innovattivi li jkunu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini u li possibbilment ikunu jistgħu jiġu implimentati b'fondi Ewropej. “Inħeġġeġ u ninkoraġġixxi iżjed Kunsilli Lokali u Reġjuni sabiex jibbenefikaw minn dawn il-fondi u jaċċessaw l-assistenza li tingħata mid-diversi entitajiet tal-Gvern biex ikomplu jwettqu stejjer ta' suċċess f'pajjiżna."
Fl-intervent tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli ħeġġet lill-kunsilli lokali u reġjonali sabiex ikomplu japplikaw għall-fondi Norveġiżi u jaċċessaw l-assistenza ta' SEM sabiex iżidu l-probabbiltà li jingħataw il-fondi. Saħqet li l-Kunsilli għandhom jutilizzaw kull opportunità li tiġi offruta lilhom, inkluż għal dawn il-fondi Ewropej. Hija kompliet tgħid li permezz ta' dawn il-fondi addizzjonali minn Norveġja, l-kunsilli jkunu f'qagħda aħjar sabiex iwettqu aktar proġetti u inizjattivi li jibbenefikaw minnhom il-lokalitajiet u r-residenti rispettivi.
Il-Kap Eżekuttiv ta' SEM, Denise Fiorentino, ħeġġet lill-Kunsilli Lokali u dawk Reġjonali sabiex jidħlu għal proġetti finanzjati mill-Fondi Ewropej għaliex l-Aġenzija qiegħda hemmhekk sabiex tassisti f'kull stadju tal-proġetti, mill-idea, waqt l-applikazzjoni, kif ukoll waqt l-implimentazzjoni.
Ingħataw ukoll eżempji prattiċi ta' proġetti b'fondi Ewropej, li ħallew jew qed iħallu impatt pożittiv fil-komunitajiet rispettivi tagħhom. Dawn kienu l-proġett ta' ġemellaġġ ma' Avola fi Sqallija, imwettaq mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun; żewġ proġetti mwettqa mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien - ċentru komunitarju u xogħlijiet ta' tisbiħ fi ġnien pubbliku; u proġett li qed jipparteċipa fih il-Kunsill Reġjonali tat-Tramuntana li l-għan tiegħu huwa li jġib flimkien żgħażagħ u entitajiet oħra biex flimkien jiddiskutu soluzzjonijiet li jindirizzaw problemi soċjali.
Din il-konferenza serviet ukoll bħala pjattaforma għal networking bejn il-Kunsilli Lokali u r-Reġjuni li tista' twassal għat-twettiq ta' proġetti bil-kollaborazzjoni ta' numru ta' Kunsilli u Reġjuni flimkien.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en