STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Varata magna ġdida fid-Dipartiment tal-Uroloġija f’Mater Dei
Is-servizz fid-Dipartiment tal-Uroloġija fi ħdan l-Isptar Mater Dei kompla javvanza permezz t'investiment f'magna ġdida u tal-aħħar teknoloġija, li tintuża fuq pazjenti li jbatu minn episodju ta' ġebla fil-kliewi.
Minn studji Ewropej, jirriżulta li bejn 5% u 10% tal-popolazzjoni tista' tesperjenza ġebla fil-kliewi, u għalkemm ħafna mill-pazjenti ma jkollhomx sintomi mill-bidu, huma fil-mijiet l-operazzjonijiet li jsiru lokalment sabiex il-ġebla titkisser.
“Dan il-makkinarju, li nxtara permezz ta' fondi Ewropej, se jkompli jagħti servizz aħjar lil dawk il-pazjenti li tiżviluppalhom ġebla fil-kilwa, sabiex din tkun eliminata mingħajr il-bżonn t'operazzjoni," spjega d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fi żjara fid-dipartiment. Huwa saħaq li għalhekk din il-magna, li hija ferm inqas invażiva mill-operazzjoni tradizzjonali, se tħalli differenza kbira f'ħajjet il-pazjent, li issa jista' jirċievi l-kura mingħajr il-bżonn ta' ġranet jew ġimgħat ta' rkupru wara l-intervent.
L-ispeċjalisti tad-Dipartiment tal-Uroloġija spjegaw ukoll li din il-magna telimina l-bżonn li pazjent jiġi mraqqad jew imħeddel permezz tal-loppju, li kienet problema għal numru ta' pazjenti li ma setgħux jirċievu l-loppju għal raġunijiet mediċi oħra, peress li t-trattament issa huwa ħafna iżjed tollerabbli għall-pazjent. Dan filwaqt li l-magna tgħin lit-tobba jaħdmu b'iżjed preċiżjoni, u tippermetti li jsiru proċeduri differenti biha, skont il-bżonn tal-pazjent.
Id-Deputat Prim Ministru faħħar lill-Isptar Mater Dei tal-investiment kontinwu f'makkinarju modern u lid-Dipartiment tal-Uroloġija tal-impenn li jkomplu t-taħriġ tagħhom sabiex il-pazjent jingħata l-aktar kura effettiva u bl-inqas tbatija.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en