STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: L-atleti Maltin rebbieħa tal-midalji fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar jirċievu aktar minn nofs miljujn ewro bejnethom kollha
Kif kien imwiegħed qabel bdew il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f'Mejju li għadda, ir-rebbieħa tal-midalji tad-deheb f'dawn il-logħob ingħataw is-somma ta' €10,000 kull wieħed, bl-atleti u sportivi li pparteċipaw bħala tim, jaqsmu din is-somma bejniethom. Rigali monetarji ngħataw ukoll lil dawk li rebħu midalji tal-bronż u l-fidda. B'kollox tqassmet is-somma ta' €575,300 lil 97 rebbieħ u rebbieħa f'dawn it-tliet kategoriji ta' midalji.
F'dawn il-Logħob għall-ewwel darba mill-1985, minn kemm ilhom jiġu organizzati l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, Malta mhux biss spiċċat fil-quċċata tal-klassifika tal-midalji, imma wkoll l-atleti ġabru rekord assolut ta' midalji. B'38 midalja tad-deheb, 30 midalja tal-fidda u 29 midalja tal-bronż, pajjiżna rebaħ b'kollox total ta' 97 midalja. Fil-Logħob tal-pajjiżi ż-Żgħar Malta temmet il-Logħob b'rekord bla preċedent fir-rebħ ta' midalji, minn fost id-disa' pajjiżi parteċipanti, mhux biss fin-numru ta' midalji tad-deheb, imma wkoll fit-total ta' midalji mirbuħa.
Ir-rebbieħa ngħataw dan ir-rikonoxximent waqt l-20 edizzjoni tal-MOC Gala Sport Awards li saret il-bieraħ. Din is-serata tittella' bl-għan li jkunu rikonoxxuti u ċċelebrati l-kisbiet eċċezzjonali tal-atleti Maltin li jkunu ddistingwew ruħhom f'kompetizzjonijiet internazzjonali ewlenin organizzati taħt il-patroċinju tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Isport tad-dixxiplina sportiva tagħhom, jew Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Isport rikonoxxuta. Il-Federazzjonijiet u l-Assoċjazzjonijiet Nazzjonali kienu ġew mistiedna jissottomettu nominazzjonijiet għall-kisbiet tal-atleti u sportivi bejn nofs Ottubru tas-sena li għaddiet u nofs Ottubru ta' din is-sena.
Is-serata saret taħt il-patroċinju tal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, li f'diskors li għamel fakkar fis-suċċess li kiseb pajjiżna, permezz ta' dawk kollha li taw sehemhom, fuq quddiem l-atleti u l-isportivi. “Din il-prestazzjoni tagħkom kienet u se tibqa' ta' ispirazzjoni għall-atleti ta' għada, għat-tfal Maltin u Għawdxin kollha li segwewkom bi ħġarhom. Bħala l-Ministru responsabbli mis-settur sportiv, mill-ġdid nirrigrazzjakom tas-sehem u r-riżultati miksuba, imma fuq kollox, nassigurakom bl-appoġġ tiegħi f'dan is-settur li qed narawh jiżviluppa b'mod kontinwu. Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar huwa riżultat li juri li meta jkun hemm ħidma li ssir b'għaqda, din il-ħidma tagħti r-riżultati tagħha", qal il-Ministru Grima. Huwa feraħ ukoll lill-atleti u sportivi kollha li kienu ppremjati fis-serata.
Julian Pace Bonello, President tal-Kumitat Olimpiku Malti qal, “Il-Kumitat Olimpiku Malti qed iwettaq l-impenn tiegħu li jappoġġja u jippremja lill-atleti li għamlu lil pajjiżna kburi permezz tal-kisbiet eċċellenti tagħhom matul dawn il-Logħob u għalhekk huwa xieraq li dan ir-rikonoxximent isir waqt serata li tgħaqqad il-komunità sportiva biex tiċċelebra l-eċċellenza."
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en