STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Element ta’ komunità fil-Villaġġ tal-Milied f’San Ġwann
Għar-raba' sena konsekuttiva, il-Kunsill Lokali ta' San Ġwann qiegħed jorganizza l-villaġġ tal-Milied fl-iskola primarja ta' San Ġwann, bl-isem ta' “Frosty Meadows". F'dan il-villaġġ tal-Milied se jkun hemm diversi attrazzjonijiet u 'l fuq minn 30 esebitur, b'attivitajiet għall-familja kollha.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mal-Kunsill Lokali ta' San Ġwann fetħu uffiċjalment dan il-villaġġ tal-Milied u attendew ukoll għall-attività tal-Mixegħla tal-Milied fl-istess lokalità.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli sostniet li dawn it-tip ta' attivitajiet joffru attrazzjoni għall-familja kollha fejn jistgħu jqattgħu ħin ta' kwalità flimkien, f'ambjent seren.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta' San Ġwann Trevor Fenech ta d-dettalji tal-programm ta' attivitajiet waqt il-villaġġ tal-Milied. Huwa sostna li permezz tal-ftuħ ta' dan il-villaġġ qed jagħtu bidu għal xahar ta' attivitajiet fil-lokalità ta' San Ġwann.
Il-villaġġ tal-Milied se jkun miftuħ għada s-Sibt, 2 ta' Diċembru mid-9 ta' filgħodu sal-10 ta' filgħaxija u l-Ħadd, 3 ta' Diċembru mid-9 ta' filgħodu sad-9 ta' filgħaxija. Id-dħul se jkun bla ħlas għal kulħadd.
Glenn Vella, Kurt Calleja, Fabrizio Faniello, Mike Spiteri huma wħud mill-artisti lokali li se joffru programm ta' divertiment għal dawk li ser jattendu.
Id-dħul li ser jiġi ġġenerat mill-villaġġ tal-Milied se jmur kollu għal Puttinu Cares.
Għal aktar informazzjoni, żur il-paġna ta' Facebook tal-Kunsill Lokali ta' San Ġwann.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en