Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Malta eletta t-tieni fl-elezzjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO)

pr231895
Date Icon 01/12/2023

Malta ġiet eletta mill-ġdid fil-Kategorija Ċ tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), u kklassifikat fit-tieni post. 

Kisba sinifikanti fost il-176 pajjiż parteċipanti u l-aħjar riżultat fl-istorja ta' Malta bħala membru tal-IMO.

Dan seħħ waqt it-33 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-IMO f'Londra, fejn id-delegazzjoni Maltija, mmexxija mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia, ippromwoviet lil pajjiżna bħala punt fokali nazzjonali għall-affarijiet marittimi, kemm biex jiffaċilita l-investiment sostenibbli kif ukoll biex jippromwovi s-settur fuq livell internazzjonali, bl-għan aħħari li Malta tkompli tiżviluppa ċentru marittimu ta' eċċellenza.

Il-Ministru Farrugia stqarr li dan ir-riżultat huwa kisba oħra kbira għal Maritime Malta u rikonoxximent tal-ħidma tagħha fil-qasam marittimu.

Waqt l-indirizz tiegħu lill-Assemblea, il-Ministru Farrugia semma li l-elezzjoni mill-ġdid ta' Malta fil-Kunsill tal-IMO tikkonferma li Malta – li hija s-6 l-akbar reġistru tal-bastimenti merkantili fid-dinja—tgawdi l-fiduċja tal-komunità internazzjonali f'dan is-settur.

“Aħna motivati mill-prospett ta' futur isbaħ u nibqgħu impenjati biex negħlbu l-isfidi attwali. Il-Gvern Malti kommess li jappoġġja l-Presidenza l-ġdida u l-viżjoni tagħha," qal il-Ministru Farrugia filwaqt li esprima gratitudni lil dawk kollha li taw sehemhom f'din l-elezzjoni.

Dwar is-suġġett tad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, il-Ministru Farrugia tenna l-appell ta' Malta sabiex jinstabu soluzzjonijiet komuni fuq livell globali, u enfasizza li hemm bżonn ta' azzjoni globali immedjata u aktar kollaborazzjoni sabiex tiġi indirizzata ż-żieda fl-emissjonijiet tal-karbonju.

Id-delegazzjoni Maltija kienet tinkludi lis-Segretarju Permanenti Godwin Mifsud, ir-Rappreżentant Permanenti ta' Malta għall-IMO Ivan Sammut u l-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta Jonathan Borg.

Malta tat ukoll kontribuzzjoni finanzjarja lill-fond tal-organizzazzjoni sabiex jingħata taħriġ tekniku lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw bil-għan li jtejbu l-kapaċitajiet marittimi tagħhom.

L-IMO hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Magħquda (UN) u hija responsabbli għas-sigurtà tat-tbaħħir u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar mill-vapuri. Malta ilha membru f'din l-organizzazzjoni sa mill-1966 fejn tappoġġja bi sħiħ l-għanijiet tal-organizzazzjoni u temmen bis-sħiħ li t-titjib reali tal-istandards tas-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġis fuq il-baħar u fil-port jista' jinkiseb biss permezz tal-implimentazzjoni globali tar-Regolamenti tal-IMO. Fil-Kategorija Ċ, l-Istati għandhom interessi speċjali fit-trasport marittimu jew in-navigazzjoni. L-elezzjoni tagħhom għall-Kunsill tiżgura r-rappreżentanza taż-żoni ġeografiċi ewlenin kollha tad-dinja. Matul din l-elezzjoni, Malta ġiet eletta fil-Kunsill għall-14-il darba konsekuttiva.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Malta eletta t-tieni fl-elezzjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO)
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow