STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI Emendi legali biex ikun imsaħħaħ is-settur tal-kera
F'konferenza tal-aħbarijiet fil-binja tal-Parlament, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes ħabbar emendi legali li se jkunu qed isaħħu lis-settur tal-kera, b'tali mod li jsaħħu l-infurzar u jimbuttaw 'il quddiem is-simplifikazzjoni fil-proċess.
“Tliet snin ilu għamilna riforma bla preċedent fis-settur tal-kera. Illum, b'wiċċna minn quddiem qed nippreżentaw emendi legali li se joffru aktar stabbiltà u simplifikazzjoni tal-proċess," sostna l-Ministru Galdes.
Il-ministru qal ukoll li l-maġġoranza tas-sidien huma konformi mal-liġijiet u kienu katalisti biex illum qed jiġu ppreżentati dawn l-emendi. Madanakollu għad hemm faxxa żgħira ta' sidien li mhumiex konformi ma' dawn il-liġijiet u se jiġu indirizzati permezz ta' dawn l-emendi. “Huwa għalhekk li bl-emendi legali li qed inħabbru illum, sid mhux se jkun jista' jirreġistra aktar minn 6 persuni f'post wieħed hekk kif stipulat fil-Leġiżlazzjoni Sussidjarja - Klassijiet ta' Użu fl-Ippjanar tal-Iżvilupp," qal il-Ministru Galdes.
Emenda oħra li ġiet ippreżentata hija li l-Awtorità tad-Djar se tkun tista' tagħti pieni amministrattiva sa massimu ta' €2,329, fejn ikun hemm ksur ta' prassi, bħal kuntratti mhux reġistrati. “Jekk is-sid ma jikkooperax mal-Awtorità u ma jiġix konformi mal-liġi f'qasir żmien, is-sid se jkun qed jitla' quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u jista' jeħel multa sa massimu ta' €10,000," kompla jispjega l-Ministru Galdes.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal li wara li tliet snin ilu ġew introdotti l-ewwel standards professjonali fis-suq tal-kera, l-emendi li qegħdin jiġu ppreżentati llum ser ikomplu jsostnu r-relazzjoni tajba li teżisti bejn l-inkwilini u s-sidien permezz ta' aktar konformità u simplifikazzjoni tal-proċessi. “Qegħdin nassiguraw li s-suq tal-kera jibqa' joffri opportunitajiet ta' għixien dinjituż u stabbiltà għall-familji Maltin," ikkonkluda Matthew Zerafa.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en