Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Titwaqqaf l-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta – parti mir-riforma tar-raba’

pr231873
Date Icon 28/11/2023

F'konferenza tal-aħbarijiet bit-tema 'Malta Ġusta', il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar it-twaqqif tal-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta li hija parti mir-riforma fil-qasam tar-raba' mħabbra f'Ottubru tal-2022.

Il-Ministru Anton Refalo spjega li din l-aġenzija primarjament hija responsabbli mill-ħarsien tal-art agrikola, sabiex din tibqa' tiġi kkultivata u maħduma mill-bdiewa, sabiex tiġi garantita s-sostenibbiltà tal-biedja, il-produzzjoni tal-ikel u l-ħarsien tal-ambjent rurali.

Il-Ministru Refalo kompla jispjega l-irwol li se jkollha din l-aġenzija, fosthom li tassigura illi l-art agrikola tibqa' tinħadem għall-iskop agrikolu tagħha. Għaldaqstant se tkun qed tilqa' r-reġistrazzjoni tal-artijiet agrikoli kemm dawk li qed jiġu mikrija lill-bdiewa kif ukoll dawk illi qed jinħadmu mis-sid stess, kif ukoll ir-reġistrazzjoni ta' kwalunkwe bejgħ ta' art agrikola. Għal dan il-għan se tkun qed iżżomm reġistru b'informazzjoni dwar il-pussess u l-użu tal-art. 

L-aġenzija se tkun qed tinċentiva wkoll l-akkwist ta' raba' privata minn bdiewa li għandhom l-art agrikola mikrija lilhom, billi jingħataw id-dritt ta' preferenza meta s-sid jiddeċiedi illi jkun irid ibiegħ l-art li tkun qed tinħadem.

Il-Ministru Refalo kompla jispjega li l-aġenzija se tkun qed takkwista wkoll raba' offruta għall-bejgħ mis-sidien sabiex l-aġenzija stess tkun tista' talloka tali art sabiex tinħadem minn bdiewa, filwaqt li ser issir distinzjoni bejn bdiewa attivi, bdiewa tal-passatemp u dawk ġodda li għadhom deħlin jew li qed jippruvaw jidħlu fis-settur agrikolu.

Riżorsi Agrikoli Malta se tkun qed tistabbilixxi diversi miżuri sabiex jiġi salvagwardjat il-ħarsien tar-raba', fosthom se tkun qed tniedi inċentivi lill-bdiewa żgħażagħ, fejn se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn strumenti finanzjarji li jgħinuhom jixtru art agrikola.

Il-Ministru spjega wkoll li minn Jannar se tidħol fis-seħħ miżura oħra importanti li ġiet imħabbra fil-Budget 2024, l-eżenzjoni tat-taxxa tas-suċċessjoni fuq art agrikola mikrija jew maħduma minn bdiewa. Permezz ta' din il-miżura, kwalunkwe persuna illi tkun għadha kif wirtet art agrikola li tkun qed tiġi mikrija lil xi bidwi jew art agrikola li tkun qed tiġi maħduma mill-werriet stess, ser tkun qed tiġi eżenti mit-taxxa tas-suċċessjoni wara li l-istess persuna li tkun eliġibbli sabiex tiggwadanja minn tali inċentiv tkun irreġistrat l-art inkwistjoni mar-Riżorsi Agrikoli Malta.

Il-Ministru Refalo ħeġġeġ lis-sidien illi għandhom ir-raba' agrikola sabiex jirreġistraw tali art mal-Aġenzija. “Il-Gvern se jkompli bit-twettiq tal-ħidma tiegħu sabiex l-art agrikola tiġi mħarsa bl-aħjar mod possibbli u li ma jkunx hemm riskju għall-għajxien tal-bdiewa tagħna," temm jgħid il-Ministru Anton Refalo.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Titwaqqaf l-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta – parti mir-riforma tar-raba’
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow