STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA: Ġustizzja effettiva u proporzjonali
Imressaq abbozz ta’ liġi li jemenda varji liġijiet dwar ir-rikavat mill-kriminalità
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, waqt li kien qed jindirizza lill-midja, ippreżenta numru ta’ emendi leġiżlattivi li jemendaw varji liġijiet dwar ir-rikavat mill-kriminalità, bil-għan li joħolqu ġustizzja effettiva u proporzjonali.
“Quddiem diversi sentenzi tal-Qorti ma stajniex ma nwettqux dan l-eżerċizzju ta’ reviżjoni li għandu jwassal għal ġustizzja aktar effettiva u proporzjonali fil-qasam tar-reati finanzjarji”. Il-ministru qal li dawn l-emendi huma ntiżi li joħolqu bilanċ bejn l-interess ġenerali tas-soċjetà u d-drittijiet tal-persuna suspettata jew imputata.
Dan l-abbozz ta’ liġi jemenda numru ta’ liġijiet li jittrattaw reati finanzjarji bħal money laundering, servizzi u swieq finanzjarji u li joħloq proċedura uniformi rigward ordnijiet ta’ sekwestri, iffriżar u konfiska. Il-proċess li wassal għal dan l-abbozz sar bil-parteċipazzjoni tal-Kummissarju għal-Liġijiet, in-National Coordinating Committee on Combating Money Laundering (NCC), l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat.
Għaldaqstant, dan l-eżerċizzju serva wkoll biex l-entitajiet li huma responsabbli mill-ġlieda kontra r-reati finanzjarji jkollhom għodda leġiżlattiva aġġornata u aktar effettiva għad-dispożizzjoni tagħhom.
Il-membri tal-midja kienu indirizzati wkoll mill-Kummissarju għal-Liġijiet l-Imħallef Antonio Mizzi li spjega kif il-punt ta’ tluq tal-emendi jsibu l-bażi tagħhom f’diversi sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali u anke dik kriminali, magħdud mal-esperjenzi ta’ dawn l-aħħar snin li uriet li l-liġi qed toħloq sproporzjonalità u żbilanċ bejn it-tfittxija u l-kisba tal-ġustizzja u d-drittjiet tal-imputat.
L-abbozz ta’ liġi li jittratta varji liġijiet dwar ir-rikavat mill-kriminalità ser jikkonsisti minn diversi emendi leġiżlattivi, fosthom:
Ordni ta’ Sekwestru:
• Se jitnaqqas il-perjodu tal-validità tal-ordni ta’ sekwestru bin-nofs, biex issa se jkun hemm terminu wieħed ta’ 6 xhur.
• Se jkun ukoll possibbli li l-ordni ta’ sekwestru tkun varjata u jiġu rilaxxati flus għal għajxien diċenti.
• Se tkun introdotta emenda li tipprovdi li meta ordni ta’ sekwestru jaqa’ jew jiskadi jiġu notifikati mill-qorti s-sekwestratarji kollha awtomatikament u b’hekk is-sekwestratarji jkunu notifikati mill-Qorti li s-sekwestru ma jkunx għadu fis-seħħ.
Ordni ta’ Iffriżar:
• Prosekuzzjoni trid tiddikjara liema proprjetà jew kemm flus għandhom ikunu ffriżati u jekk ma jsirx dan mal-preżentata jew ċitazzjoni fi żmien 90 ġurnata jew b’estensjoni oħra b’talba lill-Qorti ta’ 90 ġurnata oħra, l-ordni ta’ ffriżar taqa’ fuq rikors tal-imputat;
• Se jkun hemm Dritt ta’ Appell quddiem il-Qorti Kriminali;
• L-ammont / proprjetà ffriżata tista’ tkun varjata fuq talba tal-prosekuzzjoni jew tal-imputat.
• L-imputat jista’ jitlob sa massimu ta’ dik li hija paga annwali medja (determinat mill-ministru minn żmien għal żmien) biex ikun jista’ jgħix ħajja diċenti.
• L-imputat jista’ jagħmel ukoll talba fil-Qorti biex jibqa’ għaddej bin-negozju, kummerċ u professjoni.
• It-talbiet għal spejjeż rikorrenti, bħal loans, insurance, school fees, etċ. jistgħu jsiru b’rikors wieħed.
Konfiska
• Il-Qorti Kriminali wara li tiddeċiedi dwar il-ħtija, trid tistabbilixxi wkoll il-valur/kwantum tar-rikavat mir-reat, u tidentifika l-proprjetà, assi jew flus li għandhom ikunu konfiskati.
• Id-dritt ta’ appell se jkun fuq is-sejbien tal-ħtija kif ukoll il-konfiska.
• Terzi persuni se jkollhom id-dritt joġġezzjonaw għall-konfiska ta’ proprjetà li fiha t-terzi jkollhom interess billi jippreżentaw kawża fil-Qorti Ċivili, Prim’Awla (Sezzjoni tal-Irkupru tal-Assi) fi żmien sitt xhur mindu ssir il-konfiska definittiva.
Il-Ministru Attard spjega li l-liġi attwali se tibqa’ applikabbli għal każijiet li jkunu bdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi, sakemm l-imputat ma jagħmilx rikors biex ikunu applikati l-proċeduri l-ġodda. F’dak il-każ tkun il-Qorti stess li tiddetermina l-modalità tat-tranżizzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en