Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ: It-taħriġ tal-ħaddiema huwa kruċjali biex Malta tkompli tipprepara għall-futur

pr231852
Date Icon 26/11/2023

Il-fondi Ewropej qed jiffaċilitaw b'mod qawwi t-transizzjoni ekonomika li għaddej minnha pajjiżna biex ikollu ħaddiema b'ħiliet ġodda f'impjiegi ta' kwalità u f'industriji ta' valur għoli.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett tkellem dwar l-istrateġija tal-Gvern f'dan il-qasam waqt żjara fil-kumpanija Simonds Farsons Cisk. Milqugħ mill-Kap Eżekuttiv Norman Aquilina, Dr Bonett seta' jara l-operat kummerċjali tal-kumpanija, fosthom fil-birrerija, l-ippakkeġġjar u l-loġistika.

Simonds Farsons Cisk hija waħda mill-kumpaniji li fl-aħħar snin gawdiet mill-programm Investiment fil-Ħiliet iffinanzjat mill-fondi Ewropej. Fl-aħħar sitt snin biss, din il-kumpanija ħadet 52 għotja għat-taħriġ li jammontaw għal total ta' €64,000. Permezz ta' korsijiet relatati mal-finanzi, ir-riżorsi umani, il-management u l-ħiliet għal professjonisti speċifiċi, mal-579 ħaddiem ingħataw taħriġ li se jgħinhom jilqgħu għall-opportunitajiet ġodda. 

Wara laqgħa mat-tmexxija tal-kumpanija, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej kellu l-opportunità li jindirizza wħud mill-ħaddiema li proprju bbenefikaw mill-programm Investiment fil-Ħiliet. Filwaqt li faħħar ir-rieda tagħhom li jsaħħu l-potenzjal li għandhom, Dr Bonett sostna li l-għarfien ġdid li ngħataw se jservi biex dawn il-ħaddiema jkomplu jirnexxu.

“Intom, u ħafna oħrajn f'setturi differenti, tajtu eżempju ċar ta' kif ħaddiem jista' jtejjeb il-pożizzjoni tiegħu fis-suq tax-xogħol billi jinvesti fih innifsu u fit-talenti tiegħu. B'hekk ikun jista' jipparteċipa b'mod attiv f'oqsma iktar moderni u sostenibbli li d-dinja qed iġġib magħha," qal Dr Bonett.

Mill-fondi Ewropej għas-snin 2014-2020, il-Gvern alloka mas-€7.5 miljun għat-taħriġ tal-ħaddiema f'pajjiżna, b'sessjonijiet fil-klassijiet, oħrajn fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll taħriġ individwali personalizzat u anke online. B'dan l-investiment, intlaħqu mat-38,000 ħaddiem li llum għandhom iktar addattabilità u produttività fl-impjieg tagħhom.

Il-Gvern se jkompli jalloka iktar fondi Ewropej għal dan it-tip ta' taħriġ. “Taħt il-programm il-ġdid 2021-2027, se nkomplu nappoġġjaw lin-negozji u lill-ħaddiema biex ir-riżors uman ikun jirrifletti l-ħtiġijiet ta' pajjiżna fil-qalba diġitali u ambjentali tax-xhur u s-snin li ġejjin," temm jgħid Dr Bonett.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ: It-taħriġ tal-ħaddiema huwa kruċjali biex Malta tkompli tipprepara għall-futur
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow