STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA U L-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX: Kumpanija internazzjonali bbażata f’Għawdex tiżviluppa l-ewwel ChatBot tax-xorta tiegħu bil-Malti
Kumpanija internazzjonali bbażata f'Għawdex tiżviluppa l-ewwel ChatBot tax-xorta tiegħu bil-Malti
Kollaborazzjoni internazzjonali, b'uffiċini fil-Gozo Innovation Hub, qed tiżviluppa chatbot ta' konverżazzjoni bil-lingwa Maltija biex jintuża fis-setturi bankarji, finanzjarji u tal-assigurazzjoni, kif ukoll servizzi ta' investimenti. Is-sħubija strateġika bi proġett innovattiv fl-Intelliġenza Artifiċjali se jara ChatBot avvanzat jikkomunika ma' klijenti fis-settur tas-servizzi finanzjarji, u jipprovdi appoġġ għall-customer care bil-Malti. Fil-fatt, il-lingwa Maltija se tkun l-ewwel lingwa f'din iċ-chatbot, filwaqt li lingwi oħra se jsegwu. Waqt żjara mill-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli, il-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia, l-iżviluppaturi spjegaw li l-għan ewlieni tal-proġett ta' €3 miljun kien li tiġi żviluppata pjattaforma ta' konverżazzjoni innovattiva li tuża teknoloġiji avvanzati tal-AI u tat-tagħlim tal-magni kif ukoll kapaċitajiet ta' cloud computing avvanzati ħafna.
L-ewwel prototipi li se jiġu żviluppati se jaħdmu f'oqsma marbuta primarjament mas-servizzi finanzjarji, madankollu chatbot avvanzat bħal dan jista' eventwalment jiġi applikat f'setturi oħra, inkluż is-servizz pubbliku, it-turiżmu, is-servizzi tal-konsumatur, u servizzi oħra tal-kummerċ elettroniku. Il-proġett, bl-isem 'The New Era of Chatbot', qed jirċievi appoġġ mill-Malta Enterprise taħt l-Iskema Research and Development. Dan il-proġett jirrappreżenta kollaborazzjoni strateġika bejn Cartesio Ltd u l-Università ta' Malta, bi sħubija mal-AI u l-cloud technology enablers Noovle International, li diġà għandhom preżenza f'Għawdex.
“Dan huwa t-tip ta' investiment li rridu nattiraw lejn xtutna hekk kif inkomplu nimbuttaw għal ekonomija bbażata fuq l-għarfien. L-intelliġenza artifiċjali qed tkun integrata fil-ħajja tagħna u qed ikun aktar kruċjali f'industriji differenti. Fl-istess ħin, il-Malta Enterprise qed tappoġġja lill-kumpaniji fit-tranżizzjoni għad-diġitalizzazzjoni permezz ta' inizjattivi ta' riċerka u żvilupp, li tagħti prijorità lis-sostenibbiltà, u li trawwem innovazzjoni kontinwa. Permezz tal-Malta Enterprise aħna kburin li nkomplu nappoġġjaw kumpaniji li jinvestu fir-riċerka u l-innovazzjoni u jużaw il-gżejjer tagħna bħala testbeds għall-iżvilupp tal-proġetti tagħhom," qalet il-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li din il-kumpanija li hija bbażata f'Għawdex timxi pari passu mal-istrateġija li nieda l-Gvern, il-viżjoni għal Għawdex sabiex inkomplu nattiraw aktar kumpaniji li jaħdmu fir-riċerka u fl-innovazzjoni. Huwa kompla jgħid li aktar minn hekk ukoll illum kellna l-opportunità nifhmu kif taħdem din iċ-chatbot li bis-sistema li nħadmet tkun tista' tifhem u tirrispondi wkoll lill-konsumatur bil-Malti. Żgur li chatbot bħal din se tkun qed tintuża f'aktar setturi bħalma huma dawk bankarji, finanzjarji u dawk customer facing sabiex permezz ta' dan jinħolqu sistemi li jaqdu aħjar liċ-ċittadini tagħna.
Valentino Benicchio, Direttur, Noovle International, stqarr, “Aħna ħerqana li nesploraw opportunitajiet ġodda ta' riċerka u żvilupp f'Malta fl-oqsma tas-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u teknoloġiji intelliġenti oħra fejn nistgħu nisfruttaw il-kapaċitajiet u l-esperjenza tagħna, li jistgħu jiġu applikati fis-servizzi pubbliċi jew fis-settur privat." Francesca Caruso, Direttur ta' Cartesio Ltd stqarret, “Aħna kburin li qegħdin hawn illum, mhux biss bħala xhieda tal-qawwa tal-innovazzjoni iżda wkoll bħala xhieda tas-sħubija bejn is-settur pubbliku u privat f'Malta." Fissret li bħala pedament għas-suċċess ta' dan il-proġett kien ir-relazzjoni bejn l-akkademja u l-industrija. “Kollaborazzjonijiet bħal din jipprovdu lill-istudenti u r-riċerkaturi tagħna l-possibilità li jaraw ir-riżultati tar-riċerka tagħhom inkorporati fi prodott tanġibbli li jista' jkun ta' servizz għas-soċjetà, filwaqt li fl-istess ħin javvanzaw l-għarfien u l-kapaċità tar-riċerka tagħna. Il-grupp ta' riċerka tagħna qed javvanza kontinwament l-għodod tal-ipproċessar tal-Malti u dan il-proġett jipprovdi l-pjattaforma t-tajba biex turi x-xogħol tagħna," qalet Dr Claudia Borg, senior lecturer dwar l-AI fil-Fakultà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en