STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Malta Ġusta – Investiment f’ċentri ġodda ta’ matul il-jum fil-Kottonera
Tlesta proġett li permezz tiegħu infetħu tliet ċentri ta' matul il-jum fil-Kottonera. Dawn it-tliet ċentri li jinsabu f'Bormla, il-Birgu u l-Kalkara ser ikunu qed joffru spazju ta' rikreazzjoni għall-anzjani fil-Kottonera. Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli għamlu żjara f'dawn it-tliet ċentri ġodda.
Waqt din iż-żjara ġie spjegat li permezz ta' kollaborazzjoni bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, il-Parroċċa ta' Bormla u l-kunsilli lokali rispettivi, wasslet għall-ftuħ ta' dawn iċ-ċentri.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif wara numru ta' taħdidiet, kien inħass il-bżonn li jkomplu jespandu iċ-ċentri ta' matul il-jum f'lokalitajiet oħra. Spjega kif l-għan ta' dawn iċ-ċentri jibqa' li joffru spazju lill-anzjani fejn jiltaqgħu u jibqgħu attivi permezz tas-sessjonijiet varji li jsiru. Semma wkoll kif il-programm varjat ta' attivitajiet jgħin biex jħeġġu lill-anzjani jibqgħu jitgħallmu u jibqa' jkollhom sehem attiv fis-soċjetà billi jużaw l-abbiltajiet tagħhom u jaqsmu l-esperjenza tagħhom ma' anzjani oħra u ġenerazzjonijiet oħra.
Il-Ministru Abela saħaq fuq l-importanza ta' dawn iċ-ċentri fejn b'kollox s'issa hawn 29 ċentru f'Malta. Huwa temm jgħid li l-Gvern kommess li jkompli joffri ċentri u spazji bħal dawn madwar Malta, għall-ġid tal-anzjani fil-komunità.
Min-naħa tagħha, s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret il-kollaborazzjoni ta' dawn il-kunsilli lokali favur l-anzjani tal-Kottonera. Hija saħqet li l-kunsilli lokali għandhom dejjem iżommu fiċ-ċentru tal-ħidma tagħhom, it-titjib kontinwu tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti kollha, fil-komunitajiet rispettivi tagħhom.
“Kommessi li nkompli naħdmu fuq aktar proġetti u inizjattivi li jippromwovu l-anzjanità attiva u l-inklużjoni ta' residenti anzjani fil-komunità," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en