STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministru Ian Borg jospita lill-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Med9 flimkien mal-Presidenza Spanjola f’Madrid
Matul il-jum tal-Erbgħa, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ ta' Malta Ian Borg kellu l-opportunità li jospita lill-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Med9 f'Madrid, Spanja, flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' Spanja José Manuel Albares Bueno.
F'Madrid, id-diskussjonijiet kienu ffukati fuq is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u anke t-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-Viċinat tan-Nofsinhar.
Fl-intervent tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, il-Ministru Borg spjega kif aktar minn qatt qabel teżisti l-ħtieġa li tiġi mbuttata u attwata s-Soluzzjoni taż-Żewġ Stati għaliex dan huwa l-unika mod li tista' tkun żgurata s-sigurtà kemm fl-Iżrael iżda anke fil-Palestina. Huwa kompla jgħid li huwa essenzjali li l-Unjoni Ewropea jkollha koordinament serju ma' reġjuni oħra madwar id-dinja, fosthom l-Istati Uniti. Dr Borg tkellem dwar ir-reżoluzzjoni ta' Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda li tindirizza l-għajnuna umanitarja u fakkar kif din hija l-unika reżoluzzjoni approvata sa mill-2016, u sostna li Malta se tibqa' tadvoka favur id-djalogu u l-paċi.
Waqt id-diskussjoni dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Mediterran, il-Ministru Ian Borg sostna l-pożizzjoni ta' Malta u qal li ma tistax tirrenja l-paċi fid-dinja jekk ma jkunx hemm paċi u stabbiltà fir-reġjun tal-Mediterran. Huwa tenna li din m'għandhiex tittieħed bħala fatt ovvju, iżda għandha tingħata widen aktar minn qatt qabel.
Huwa sostna li l-aħħar żviluppi mill-Unjoni Ewropea fid-djalogu mat-Tuneżija u l-Eġittu huma pass importanti 'l quddiem fir-relazzjonijiet mal-Afrika ta' Fuq. Il-Ministru Borg fakkar dak li ġie maqbul ġewwa Malta aktar kmieni din is-sena dwar il-ħtieġa ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija fid-dawl tal-isfidi li wkoll qed naffaċċjaw u sostna kif il-Mediterran għandu jservi biex jinħoloq Ċentru ta' Enerġija Nadifa. Kompla jgħid li l-pajjiżi Mediterranji għandhom ukoll ikomplu jħarsu lejn aktar opportunitajiet kbar ta' kummerċ li jeżistu fir-reġjun.
Il-Ministru Borg laqa' it-tisħiħ u t-twessiegħ tal-kooperazzjoni fi ħdan il-Grupp MED9, liema żviluppi ta' diskussjonijiet fi Spanja komplew jibnu fuq li-laqgħat li ġew organizzati ġewwa Malta matul din is-sena.
Fi tmiem il-laqgħa, il-Ministru Ian Borg flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' Spanja José Manuel Albares Bueno mexxew konferenza tal-aħbarijiet fejn spjegaw il-konklużjonijiet u l-punti saljenti ta' dawn id-diskussjonijiet.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en