STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Imnedija skema li ser tkun qed tipprovdi tablet għal kull sajjied
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said u s-Segretarju Parlamentari Chris Bonett ħabbru inizjattiva ġdida fejn is-sajjieda ser jiġu pprovduti b'tablet sabiex itejjeb il-komunikazzjoni bejn id-Dipartiment tas-Sajd u l-istess sajjieda.
Kull sajjied irreġistrat mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura ser jingħata tablet waterproof, mgħammar b'app li ser tagħti l-opportunità lis-sajjieda biex jagħmlu użu minn numru ta' servizzi differenti.
Permezz ta' din is-sistema, is-sajjied, mingħajr il-bżonn li jirrikorri fiżikament għand id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, ser ikun jista' jagħmel dan li ġej:
- Jirreġistra b'mod elettroniku il-qabda tal-ġurnata fil-logbooks;
- Iġedded il-liċenzja tal-bastimenti u se jkollu aċċess għall-permessi kollha meħtieġa għas-sajd b'mod virtwali;
- Jikseb permessi addizzjonali, fosthom għas-sajd tat-Tonn, tal-Pixxispad u tal-Lampuki;
- Jaċċessa u jitlob kwalunkwe aġġornament rigward ir-reġistrazzjoni tal-bastimenti tas-sajd tiegħu;
- Jingħata rendikont tal-bejgħ kollu mill-qabda tiegħu; u
- Jara b'mod immedjat il-pożizzjoni tal-bastimenti kollha rreġistrati minnu.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said iddeskriviet din l-inizjattiva bħala parti mill-istrateġija ta' diġitalizzazzjoni li qed jwettaq il-Gvern fis-settur tas-sajd. B'dawn l-għodda ġodda, id-Dipartiment ser ikun qed jaqdi l-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tas-sajjieda b'mod sostenibbli u effettiv. Hija kompliet li permezz ta' din is-sistema se tkun tista' tinġabar ukoll informazzjoni xjentifika.
“Permezz ta' din l-inizjattiva, is-sajjied m'għadx għandu bżonn jiddedika parti sostanzjali mill-ħidma tiegħu, biex jersaq lejn id-Dipartiment tas-Sajd biex jaqdi l-obbligi tiegħu. Kommessi li nkomplu bil-ħidma lejn futur aktar sostenibbli għas-settur tas-sajd f'pajjiżna," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.
Intant, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett spjega kif bl-użu tal-fondi Ewropej qed ikomplu jinvestu fis-sajjieda lokali, din id-darba billi qed jipprovdulhom għodod diġitali li ser iħaffu l-proċessi eżistenti li bħalissa jgħaddu minnu s-sajjieda, filwaqt li tittejjeb il-komunikazzjoni bejniethom u bejn id-Dipartiment tas-Sajd.
“Id-diġitalizzazzjoni f'kull settur hija waħda mil-miri li Malta flimkien mal-Unjoni Ewropea tixtieq tilħaq, u dan l-investiment qed jwitti t-triq sabiex din il-bidla u l-immodernizzar isir ukoll fis-settur tas-sajd," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Bonett.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en