STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Malta Ġusta: Titnieda l-Istrateġija għat-Tagħlim tul il-Ħajja
“L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta li tgħin biex nimxu 'l quddiem, iċ-ċavetta li tagħti l-mobbiltà soċjali li tfisser li inti minn int, tlaqt minn fejn tlaqt, għandek l-istess opportunità daqs ħaddieħor li tavvanza fil-ħajja u tilħaq l-aspirazzjonijiet kollha tiegħek." Hekk qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima meta dalgħodu nieda l-Istrateġija Nazzjonali għat-Tagħlim tul il-Ħajja 2023-2030.
Din l-Istrateġija hija parti minn sensiela ta' strateġiji li tnedew matul ix-xhur li għaddew u li jimxu id f'id mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 li waslet fl-aħħar konsultazzjoni qabel tiġi mnedija.
L-Istrateġija tkompli tibni fuq il-ħidma kollettiva tal-gvern b'viżjoni lejn fejn irridu naslu u kif irridu naslu biex jintlaħqu l-għanijiet f'dan il-qasam. Strateġija li wkoll tiffoka fuq il-persuna individwali bħala ċ-ċentru tal-ħidma tagħha.
Din l-istrateġija għandha tliet pilastri ewlenin li flimkien jittrattaw l-opportunitajiet għat-tagħlim immirati lejn adulti li jinħtieġu ħiliet bażiċi, il-metodi u opportunitajiet ta' tagħlim diversi biex tkun aċċertata l-inklussività u li tkun żgurata l-kwalità fit-taħriġ tat-Tagħlim Tul il-Ħajja.
L-Istrateġija Nazzjonali għat-Tagħlim tul il-Ħajja għandha missjoni soċjali fil-qalba tagħha u għandha l-għan li ttejjeb il-ħajja ta' dawk l-aktar vulnerabbli permezz ta' firxa varjata ta' opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja. L-istrateġija, fil-fatt, se jkollha rwol ewlieni biex jintlaħqu l-miri nazzjonali biex tiżdied kemm ir-rata ta' impjieg kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim, filwaqt li titnaqqas ir-rata ta' persuni f'riskju ta' faqar u/jew esklużjoni soċjali. Il-benefiċċji tat-tagħlim tul il-ħajja ma jieqfux fuq livell individwali iżda għandhom effetti li jinxterdu fuq il-livelli kollha tas-soċjetà inkluż l-industrija, il-komunità ċivika, u l-pajjiż inġenerali.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Matthew Vella qal, “Din l-istrateġija hija ċ-ċavetta għall-mobbiltà soċjali. L-għan ewlieni tagħha huwa li tnaqqas l-esklużjoni soċjali billi nżidu l-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ. B'hekk inkunu qed nilħqu l-miri tal-Unjoni Ewropea. Dan se jsir permezz ta' 51 azzjoni strateġika li jikkumplimentaw il-Miri ta' Żvilupp Sostenibbli SDG 4 - Edukazzjoni ta' kwalità. Din l-istrateġija hija parti mit-trasformazzjoni li għaddejja bħalissa fl-edukazzjoni permezz tal-istrateġija nazzjonali."
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en