STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR Investiment akbar biex tkompli titwettaq ir-riforma fis-settur tal-kostruzzjoni
• Żieda fl-allokazzjoni finanzjarja tal-BCA u l-OHSA biex isaħħu l-operat tagħhom
• €1 miljun għall-Iskema “Irrestawra Darek"
F'konferenza tal-aħbarijiet dwar il-Budget 2024 u l-inizjattivi tal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr li matul is-sena li ġejja ser tkompli l-ħidma biex ikomplu jiġu implimentati r-riformi ewlenin li bdew fl-aħħar xhur, partikolarment fil-qasam tal-kostruzzjoni meta għall-ewwel darba daħlet fis-seħħ il-Liġi dwar il-Liċenzjar tal-Kuntratturi.
Huwa ħabbar li mis-77 rakkomandazzjoni tar-Rapport Quintano li kien sar wara t-traġedja ta' Miriam Pace, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) diġà implimentat jew qegħda timplimenta 70 minnhom, filwaqt li s-7 rakkomandazzjonijiet li fadal se jibdew jiġu implimentati.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li l-allokazzjoni finanzjarja għall-BCA se tiżdied b'€2.1 miljun biex l-awtorità tkompli ssaħħaħ l-operat tagħha. Huwa semma, fost inizjattivi oħra, li se jsir investiment qawwi fl-infrastruttura diġitali tal-BCA biex tkompli tissaħħaħ il-ħidma tal-Awtorità, kif ukoll li l-Awtorità se tkompli tikkonsolida l-infurzar tagħha.
Il-ministru kompla jispjega li qed jiġu finalizzati r-regolamenti dwar il-Liċenzja tal-Bennej u anke leġiżlazzjoni oħra dwar l-assigurazzjoni fil-kostruzzjoni sabiex jidħlu fis-seħħ. Fis-sena li ġejja se tkompli l-ħidma biex ikunu ppubblikati l-ewwel kodiċi tal-bini u jsiru l-preparamenti konnessi mat-taħriġ meħtieġ biex jibdew jinħarġu skill cards li jkunu rikonoxxuti.
Dwar l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), il-Ministru spjega li din l-Awtorità se jkollha żieda fl-allokazzjoni finanzjarja sabiex tkompli ssaħħaħ l-operat tagħha, fosthom is-sistema tal-informatika. Huwa semma kif din is-sena ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-impjegati tal-Awtorità li joffri kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u għandu l-għan li jattira aktar ħaddiema ġodda biex jaħdmu mal-OHSA. Dan filwaqt li daqt għandu jiġi konkluż ftehim kollettiv ieħor għall-gradi maniġerjali tal-Awtorità.
Il-Ministru kompla jispjega li s-sena li ġejja se jidħlu fis-seħħ ir-regolamenti dwar l-irwol ta' Project Supervisors u Dutyholders oħra fil-kostruzzjoni u fil-Parlament se jitressaq l-Abbozz ta' Liġi ġdid li ser jirriforma l-OHSA.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi ħabbar ukoll li għas-sena li ġejja, l-Awtorità għall-Ippjanar se tkun qed talloka €1 miljun għall-Iskema “Irrestawra Darek" li se jkunu jistgħu japplikaw għaliha dawk li għandhom bini skedat bħala l-Ewwel u t-Tieni Grad.
Huwa qal li matul is-sena d-dieħla se tkompli l-ħidma biex jiġi konkluż il-Pjan dwar l-Ippjanar Strateġiku u l-Iżvilupp (SPED), fejn l-istudji dwaru minn esperti Maltin u konsulenti barranin dalwaqt jingħalqu. Se tiġi ffinalizzata wkoll ir-Reviżjoni Parzjali tal-Pjan Lokali ta' Għawdex biex Ħondoq ir-Rummien jibqa' fl-istat naturali tiegħu. Se jitlesta wkoll studju dwar Policy għall-Inner Harbour Region. Jinsabu fi stadju avvanzat ukoll policies ġodda tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq estetika u streetscapes.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem ukoll dwar il-ħidma ewlenija tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fil-Park Nazzjonali f'Ta' Qali fejn ser jitkompla x-xogħol f'diversi żoni u titlesta ż-Żona tal-Kunċerti. Id-Dipartiment se jkompli jgħin ukoll lill-Kunsilli Lokali f'Malta fuq diversi proġetti u se jaħdem ukoll ma' diversi entitajiet oħra biex jissolvew problemi ta' għargħar. Id-Dipartiment se jaħdem ukoll fuq proġetti ta' Coastal Management sabiex tkompli tiġi mħarsa l-kosta Maltija.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en