Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Malta tilqa’ l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali fil-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja biex tiġi annullata r-regola tar-ritorn tal-vetturi fil-Pakkett ta’ Mobbiltà

PR231783
Date Icon 14/11/2023

Il-Gvern ta' Malta jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella, speċjalment għall-proposta tiegħu li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tilqa' t-talba ta' Malta biex tannulla r-regola tar-'ritorn tal-vetturi' fil-Pakkett ta' Mobbiltà. Din ir-regola, li tobbliga lill-operaturi ta' vetturi ta' merkanzija tqila biex jirritornaw lejn il-pajjiż li fih ikunu bbażati kull tmien ġimgħat, ser ikollha impatt negattiv fuq l-ambjent, is-settur tat-trasport u l-ekonomija ta' Malta, partikularment miħabba l-insularità ta' pajjiżna.

Konsegwentement, l-annullament ta' din id-dispożizzjoni jirriżulta fi spejjeż ferm aktar baxxi għall-kumpaniji tat-trasport u għalhekk spejjeż aktar baxxi għall-konsumaturi. Meta wieħed jikkunsidra x-xenarju internazzjonali attwali fis-settur tat-trasport u l-loġistika, dan l-iżvilupp huwa ferm milqugħ. Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Malta argumentat li r-regola tar-'ritorn tal-vetturi' tikser l-Artikolu 91(2) tat-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU), li jeħtieġ li l-UE tqis ir-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali u l-karatteristiċi speċifiċi f'kull Stat Membru meta jiġu adottati miżuri dwar it-trasport. Malta invokat ukoll l-Artikolu 11 u l-Artikolu 37 tat-TFEU, li jirrigwardaw l-integrazzjoni tal-ħarsien ambjentali fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni Ewropea, u l-promozzjoni fuq livell għoli tal-protezzjoni ambjentali.

L-Avukat Ġenerali qabel ma' Malta li r-regola tar-'ritorn tal-vetturi' ma kinitx iġġustifikata biżżejjed mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u li ma qiesetx l-impatt ambjentali taż-żieda fl-emissjonijiet u l-konsum tal-fjuwil li jirriżulta mill-obbligu tar-ritorn tal-vattura kull tmien ġimgħat. L-Avukat Ġenerali rrikonoxxa wkoll li r-regola se taffettwa serjament il-livell tal-għajxien u l-impjiegi f'Malta, kif ukoll l-operat tal-faċilitajiet tat-trasport, minħabba r-restrizzjonijiet ġeografiċi u l-infrastruttura tat-trasport marittimu eżistenti. Għalhekk ikkonkluda li r-regola li tinsab fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament 2020/1055 għandha tiġi annullata, peress li kisret l-obbligu taħt l-Artikolu 91(2) TFEU.

Il-Gvern ta' Malta jilqa' din l-opinjoni importanti u issa jistenna bil-ħerqa s-sentenza tal-Qorti, li mistennija tingħata s-sena d-dieħla. Il-Gvern itenni l-impenn tiegħu li jiddefendi l-interessi tas-settur tat-trasport Malti u l-ambjent, filwaqt li jiżgura qafas ta' mobilità ġust u bilanċjat fi ħdan l-UE.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow