STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA €188 miljun f’investimenti fl-infrastruttura tal-elettriku u t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa
€350 miljun għall-istabbiltà tal-prezzijiet tal-enerġija biex inkomplu nappoġġjaw lill-familji u n-negozji
Għas-sena 2024, il-Gvern qed jinvesti €188 miljun biex issaħħaħ l-infrastruttura tal-elettriku tal-pajjiż u biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn enerġija sostenibbli. Din l-allokazzjoni ma tinkludix l-investiment ta' €350 miljun sabiex il-Gvern ikompli jagħti stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwils għall-familji u n-negozji.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli spjegat il-proġetti u l-inċentivi tal-Budget 2024 fis-settur tal-enerġija waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-mini tal-power station l-antika tal-Marsa. Permezz ta' InterConnect Malta u l-International Energy Service Centre (IESC), il-Ministeru tal-Enerġija qed jippjana li juża dan is-sit għall-proġett innovattiv ta' ħażna ta' enerġija bil-batteriji fuq skala kbira, biex jimmassimizza l-potenzjal tal-investimenti eżistenti u futuri fl-enerġija rinnovabbli u jtejjeb is-sigurtà tal-provvista.
Is-sena d-dieħla, €5 minn kull €100 tan-nefqa tal-Gvern se jiġu allokati għall-istabbilita tal-prezzijiet tal-fjuwils u l-enerġija għall-familji u n-negozji. “Din l-istabbiltà hija waħda mir-raġunijiet għalfejn it-tkabbir ekonomiku ta' Malta mistenni jikber għaxar darbiet aktar mill-medja Ewropea s-sena d-dieħla. Hija wkoll waħda mill-inċentivi soċjali ewlenin tal-Gvern. Familja ta' erbgħa li l-konsum annwali tagħha huwa ta' €695 kien ikollha tħallas €1,300 mingħajr dan l-appoġġ tal-Gvern," qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Gvern qed jalloka €55 miljun f'fondi nazzjonali u tal-UE biex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-enerġija tal-pajjiż, wieħed mill-ogħla budgets li qatt ġew allokati għal dan is-settur. Il-biċċa l-kbira ta' dan l-investiment se jmur għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, b'ċentri tad-distribuzzjoni ġodda, substations ġodda u konnessjonijiet ta' cables ġodda, biex tiżdied il-kapaċità, ir-reżiljenzà u l-flessibilità tas-sistema li twassal l-elettriku lill-klijenti.
Il-Ministru Dalli spjegat kif Enemalta se tiftaħ sejħa għal tender ta' €14 miljun għal ċentru ta' distribuzzjoni ġdid, li se jtejjeb is-servizzi tal-elettriku fin-Naxxar, l-Iklin, il-Għargħur, il-Mosta u l-lokalitajiet tal-madwar. Investiment simili huwa ppjanat fis-Siġġiewi, biex jikkonsolida n-network f'dawn l-akwati, inkluż iż-Żurrieq, il-Qrendi, l-Imqabba u nħawi oħra viċin. Aktar proġetti ta' rinfurzar tan-network huma ppjanati madwar Malta u Għawdex.
Enemalta qed tinvesti wkoll f'kapaċità addizzjonali temporanja biex tiżgura sigurtà tal-provvista sakemm jibdew joperaw proġetti oħrajn fil-qasam ta' enerġija nadifa fis-snin li ġejjin. Il-proġett Battery Energy Storage Systems (BESS) fil-Marsa u Delimara se jkun qed jgħin biex tegħleb l-isfidi tal-intermittenza hekk kif is-sehem tas-sorsi tal-enerġiji rinnovabbli fit-taħlita tas-sorsi tal-pajjiż tkompli tiżdied.
Barra minn dan l-investiment fl-infrastruttura tal-elettriku, il-Ministeru tal-Enerġija qed jalloka €133 miljun oħra biex iħeġġeġ it-tranżizzjoni lejn settur tal-enerġija dekarbonizzat. Fl-2024, Interconnect Malta se toħroġ l-ewwel sejħa għal proġetti ta' enerġija rinnovabbli offshore fuq skala kbira fl-ibħra Maltin. It-tħejjijiet għat-tieni Interconnector bejn Malta u l-Italja (IC2) għaddej b'ritmu mgħaġġel. Permezz tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Ilma u l-Enerġija u entitajiet oħra, il-Gvern se jestendi diversi skemi biex jinċentiva lill-familji u l-intrapriżi biex jaddottaw aktar teknoloġiji li jaħdmu b'enerġija nadifa, bħal għotjiet għal installazzjoni ta' pannelli fotovoltajiċi, solar water heaters u heat pumps, u skemi ta' feed-in-tariff għal sistemi t'enerġija rinnovabbli fuq skala akbar.
Il-Ministru Dalli spjegat ukoll kif il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tinvesti €315 miljun fuq diversi proġetti li se jitlestew fis-snin li ġejjin. Dawn jinkludu tisħiħ tal-impjanti tar-reverese osmosis biex iżidu l-produzzjoni tagħhom, 50 kilometru ta' pajpijiet tad-distribuzzjoni tal-ilma u l-estensjoni tan-network tan-New Water għas-settur agrikolu.
“Qed ninvestu ħafna fuq is-sostenibbilità, l-innovazzjoni u r-reżiljenza tas-setturi tal-ilma u l-enerġija f'pajjiżna. Dan l-investiment huwa parti integrali mil-viżjoni tagħna lejn futur sostenibbli u ġust fuq kull livell tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku tagħna," ikkonkludiet il-Ministru.
Rappreżentanti minn ARMS, Enemalta, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, Enemed, Interconnect Malta, International Energy Service Centre (IESC), Petromal, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Ilma u l-Enerġija u WasteServ ħadu sehem f'din il-konferenza tal-aħbarijiet.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en