STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR Tkompli tissaħħaħ l-iskema ta' terapiji għal tfal b'diżabbiltà
Il-Budget 2024 se jkompli jkun ta' spalla għal persuni b'diżabbiltà u għall-familji tagħhom hekk kif mis-sena d-dieħla l-kreditu ta' taxxa għal min jieħu lit-tfal sa 16-il sena għal terapiji, se jitla' għal €500 għal kull wild.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli tkellmet dwar kif din il-miżura għandha tkompli tkun ta' spalla għall-ġenituri li għandhom tfal b'diżabbiltà.
“Qed naraw li dan il-budget se jkun aktar minn irdoppja din l-għajnuna minn kif kienet introdotta għall-ewwel darba fil-budget ta' sena ilu. Bil-fatti, irridu nkomplu nwieżnu lill-familji fit-titjib tal-ħajja tal-ulied," qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
F'konferenza flimkien mal-Kummissarju tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà Rhoda Garland, ġie spjegat li l-gvern se jkompli jattwa dak li talbu l-familji b'inċentivi li jkomplu jkunu ta' spalla għall-familji li uliedhom għandhom diżabbiltà.
Kien imfakkar li din il-miżura qed tkompli tibni fuq dak li daħal fis-seħħ fil-budget tas-sena kurrenti – hekk kif fil-budget preċedenti kienet introdotta għall-ewwel darba skema ta' kreditu fuq it-taxxa li permezz tagħha ġenituri li jħallsu terapiji fil-privat għal uliedhom kienu offruti rifużjoni ta' €200 f'kreditu ta' taxxa.
Il-Kummissarju Rhoda Gharland spjegat li bħalissa s-CRPD qed tilqa' l-applikazzjonijiet ta' dawk il-ġenituri li tul l-2023 ħallsu għal terapiji għal uliedhom.
“L-iskema tapplika għal dawk l-ulied li huma rreġistrati mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u li ngħataw sessjonijiet ta' terapija minn terapisti li għandhom warrant jew liċenzja," fissret il-Kummissarju Garland.
Wieħed għandu jippreżenta kopja ta' invoice/irċevuta fiskali pprovduta minn terapista flimkien mal-applikazzjoni.
Fil-każ ta' ġenituri separati, jew li ħallsu għat-terapija flimkien, jew li għażlu li jimlew komputazzjoni tat-taxxa separata, għandhom jissottomettu żewġ applikazzjonijiet, u l-kreditu ta' taxxa ta' €200 jinqasam bejn l-applikanti proporzjonalment għall-ispiża li tkun inħarġet minnhom individwalment.
Wieħed jista' jikseb formola ta' applikazzjoni billi jew iċempel lill-Kummissjoni fuq 22267600, jibgħat email fuq helpdesk@crpd.org.mt jew iniżżel il-formola minn fuq https://www.crpd.org.mt/therapy-tax-credit/.
L-applikazzjonijiet flimkien mal-invoice/irċevuta fiskali marbuta ma' terapiji mogħtija fl-2023 għandhom jaslu fl-uffiċini tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-15 ta' Jannar 2024.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en