STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI: Id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema huma fiċ-ċentru tal-ħidma ta’ dan il-Gvern
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul fetaħ konferenza internazzjonali mtella' għall-ewwel darba f'pajjiżna mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA), b'kooperazzjoni mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjieg (DIER) u mal-Uffiċjal Nazzjonali ta' Kollegament għal Malta. Din il-konferenza laqqgħet rappreżentanti Ewropej fis-settur tal-impjieg fejn ġew diskussi d-drittijiet tal-ħaddiema u d-dinja tax-xogħol.
“Id-drittijiet tal-ħaddiema fuq il-post ix-xogħol huma fiċ-ċentru tal-ħidma li qegħdin inwettqu, dan sabiex bi djalogu nibqgħu naġġornaw id-dinja tax-xogħol bil-għan li tkun waħda ġusta mal-ħaddiema kollha u ma' min iħaddem."
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul filwaqt li rringrazzja lid-DIER għax-xogħol li wettaq f'dawn l-aħħar xhur fejn ġew introdotti diversi liġijiet biex jissaħħu d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Barra minn hekk fost il-ħafna miżuri soċjali li tħabbru fil-baġit għas-sena d-dieħla dan il-Gvern saħħaħ ukoll il-paga minima nazzjonali. B'dan ikompli juri l-impenn li dan il-Gvern għandu biex ikompli jtejjeb il-ħajja u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tagħna.
Waqt l-intervent tiegħu s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul għamel ukoll aċċenn għal-liġi li tirregola s-settur tal-ħaddiema tal-Pjattaforma Diġitali fejn sostna li bħala Gvern, għal darb'oħra, konna proattivi u tajna d-drittijiet statutorji u oltre minn hekk lil dawn il-ħaddiema. Huwa qal ukoll li fuq livell Ewropew din il-leġiżlazzjoni għadha biss fuq livell ta' diskussjoni. Is-Segretarju Parlamentari fakkar ukoll li l-Gvern qed jimplementa riforma b'saħħitha fil-liġijiet settorjali kollha biex noħolqu dinja tax-xogħol aktar moderna.
Huwa temm jgħid li qiegħed iħares 'il quddiem sabiex fiż-żmien li ġej tidħol fis-seħħ il-liġi li se tkun qed tirregola l-aġenziji tax-xogħol. L-għan ta' din il-liġi huwa li jkollna settur iżjed b'saħħtu u progressiv sabiex f'pajjiżna jiġu biss ħaddiema ta' kwalità u li hemm bżonnhom fl-industrija.
Għal din il-konferenza kien hemm preżenti d-Direttur Ġenerali tad-DIER Diane Vella Muscat u diversi msieħba soċjali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en