Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ

pr231759
Date Icon 09/11/2023

Malta Ġusta: Riġenerazzjoni ta’ aktar minn 135,000 metru kwadru fil-Fgura, Bormla, Baħar iċ-Ċagħaq u Birżebbuġa

Mill-2022 sal-2024 il-familji se jkunu qed igawdu aktar minn 325,000 metru kwadru fi spazji miftuħa ġodda u riġenerati

Permezz ta’ fondi Ewropej, aktar minn 135,000 metru kwadru ta’ spazji miftuħa f’erba’ lokalitajiet differenti se jingħataw ħajja ġdida. Il-proġetti ta’ riġenerazzjoni u afforestazzjoni se jkunu qed isiru fil-Fgura, Bormla, Baħar iċ-Ċagħaq u Birżebbuġa.

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, ġie spjegat li Project Green se tkun qed timplimenta dawn il-proġetti. 

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li permezz ta’ dawn il-fondi, kif ukoll permezz ta’ proġetti li tħabbru matul is-sena, fl-2024 se jkun għaddej ix-xogħol fuq aktar minn 215,000 metru kwadru ffinanzjati minn fondi tal-gvern u fondi Ewropej. 

Fl-aħħar sena u 10 xhur infetħu aktar minn 110,000 metru kwadru ta’ spazji mħaddra. Dan ifisser li mill-2022 sa 2024, se jkunu qed jitgawdew aktar minn 325,000 metru kwadru, ekwivalenti għal madwar 54 grawnd tal-football. 

L-akbar żewġ proġetti fost l-erba’ li se jibbenefikaw minn fondi Ewropej huma dawk fil-Fgura u f’Bormla. Fil-Fgura, art kbira biswit is-swar tal-Kottonera li ilha snin twal magħluqa ser tinfetaħ għall-pubbliku bħala park ġdid, wara xogħlijiet ta’ konservazzjoni ekoloġika, passaġġi u faċilitajiet ta’ rikreazzjoni għat-tfal u għall-kbar, fosthom żona għall-picnics. Man-naħa l-oħra tas-swar, f’Bormla, it-tieni proġett imħabbar illum jinkludi r-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Kottoner sabiex fih isir park innovattiv, b’passaġġi għar-roti u faċilitajiet oħrajn, kif ukoll spazji għall-klieb. Dawn il-ġonna kbar, flimkien mal-Park ta’ San Klement, ser jingħaqdu flimkien f’dak li se jkun l-akbar park fin-nofsinhar ta’ Malta.

Il-proġett f’Baħar iċ-Ċagħaq se jkun qed jinkludi żona għall-picnics, korsa tal-mixi, logħob għat-tfal u teatru miftuħ. Project Green se tippriserva s-siġar indiġeni li diġà hemm fil-post, filwaqt li tħawwel iżjed siġar u arbuxelli biex isseddaq il-bijodiversità tal-inħawi. F’Birżebbuġa, l-aġenzija se tkun qed tirdoppja l-Park tal-Familja ta’ Bengħajsa li nfetaħ din is-sena, b’żona ġdida li se jkun fiha aktar siġar u elementi sostenibbli oħrajn, fosthom mogħdijiet tar-roti għat-tfal. 

“Kif urejna fil-Budget, dan huwa gvern impenjat li jwassal aktar spazji ħodor. Budget 2024 qed jalloka aktar minn €33 miljun għal proġetti ta’ urban greening, ġonna, parks u inizjattivi oħra simili taħt entitajiet u ministeri differenti,” qalet il-Ministru Dalli.

“Għandna r-rieda biex nkomplu naħdmu mal-komunitajiet kollha biex b’dawn l-ispazji miftuħa inrawmu stili ta’ ħajja aktar b’saħħithom, biex uliedna jikbru japprezzaw il-valur ambjentali, biex ngħixu fejn ngħixu, ikollna ambjent aħjar,” kompliet il-Ministru.

Il-Ministru Dalli rringrazzjat lill-entitajiet bħall-ERA, Ambjent Malta u GreenServ li wkoll impenjati biex iwasslu proġetti li jsebbħu l-komunitajiet. 

Fost diversi proġetti, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qed taħdem fuq ir-riabilitazzjoni ta’ Ġnien Spencer, il-Furjana. Ambjent Malta qed toħloq eco garden ġdid fil-Mosta. Dan filwaqt li WasteServ se tkun qed tittrasforma l-impjant il-qadim tal-iskart f’Marsaskala f’park tal-familja ġdid.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett spjega li dan il-gvern qed iwassal budget għal Malta Ġusta anke b'fondi Ewropej, fejn f’diversi oqsma, inkluż l-ambjent, qed iħallu impatt mhux biss fuq il-ġenerazzjonijiet tal-lum imma anke biex iħallu legat denju għal dawk li ġejjin warajna. "Permezz ta' fondi Ewropej se mmorru għall-investimenti kapitali li b'mod dirett jgħinu l-ambjent. F'dawn l-aħħar snin, b'investiment ta' €163 miljun mill-fondi allokati bejn l-2014 u l-2020 irnexxielna nwettqu proġetti ta' impatt li jvarjaw minn inizjattivi maħsuba biex jissaħħu l-ekosistemi naturali għal dawk li jtejbu l-ispazji urbana,” qal Dr Bonett.

Steve Ellul, Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, enfasizza s-sinifikat ta’ dawn il-proġetti. “Dawn l-investimenti mhumiex biss dwar il-ħolqien ta’ spazji ħodor; huma dwar it-titjib tal-ħajja tar-residenti madwar il-pajjiż, b’mod partikolari n-naħa ta’ isfel ta’ Malta li huwa kkaratterizzat mill-urbaniżmu. Permezz tal-Fgura District Park u l-proġett ta’ Ġnien Kottoner se jsir l-akbar spazju miftuħ fin-Nofsinhar ta’ Malta.” 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow