STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Malta Ġusta: Regolamenti ġodda għall-aġenziji tat-temping u tisħiħ tad-djalogu soċjali
F'konferenza tal-aħbarijiet marbuta mal-miżuri tal-Budget 2024, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ħabbar li fiż-żmien li ġej se titnieda l-liġi li tirregola t-temping agencies. Andy Ellul spjega li permezz ta' dan il-qafas leġiżlattiv se jiġu introdotti numru ta' kriterji li wieħed għandu jilħaq biex ikun jista' jopera f'dan il-qasam.
Is-segretarju parlamentari spjega wkoll li ser tiġi introdotta sistema ta' liċenzji għal dawn l-aġenziji sabiex biha jkunu jistgħu joperaw u jġibu ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea. L-għan aħħari jkun li f'pajjiżna jiġu ħaddiema ta' kwalità biex jaħdmu f'setturi li vera hemm il-ħtieġa għalihom.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul għamel aċċenn ukoll għall-ħidma li qed issir biex jiddaħħal il-kunċett tal-“equal pay for work of equal value" għall-ħaddiema ta' dawn l-aġenziji, kif ukoll għal bdil fil-liġi biex kull ħaddiem tas-settur privat jibda jirċievi s-salarju tiegħu f'kont bankarju, bħall-ħaddiema tas-servizz pubbliku u tas-settur pubbliku.
“Is-sena li ġejja se tissokta l-akbar allokazzjoni finanzjarja sabiex ikompli jissaħħaħ id-djalogu soċjali bejn il-gvern, min iħaddem, u r-rappreżentanti tal-ħaddiema, għaliex aħna nemmnu fl-importanza ta' djalogu soċjali b'saħħtu li jwassal biex il-gvern jieħu deċiżjonijiet b'rakkomandazzjonijiet li jgawdi minnhom kulħadd", qal is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.
“Għalhekk se tkun qed titwaqqaf entità ġdida li ser tkun qed issaħħaħ il-proċess tal-konsultazzjoni pubblika f'pajjiżna. Din l-entità ser tkun qed taħdem id f'id mal-MCESD u sservi ta' sapport għall-imsieħba soċjali", tenna Andy Ellul.
Is-segretarju parlamentari qal ukoll li d-drittijiet tal-ħaddiema huma ferm għal qalb dan il-gvern u d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi huwa katalist f'din il-mixja sabiex id-drittijiet jiżdiedu għall-ħaddiema kollha u għalhekk saret reviżjoni tal-Work Regulation Orders (WROs) li se twassal biex ċerti anomaliji fil-liġi eżistenti jiġu indirizzati u għaldaqstant jiġu regolati u armonizzati d-diversi setturi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en