STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Diskussjonijiet diplomatiċi bejn Malta u r-Repubblika tal-Korea
Fl-aħħar sigħat, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg kompla biż-żjara uffiċjali tiegħu fir-Repubblika tal-Korea wara stedina uffiċjali li kellu.
Il-Ministru Ian Borg kellu laqgħa importanti mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Park Jin, fejn komplew għaddejjin bid-diskussjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi. Intqal kif minkejja d-distanza bejn iż-żewġ pajjiżi, xorta waħda teżisti relazzjoni bilaterali ta' kooperazzjoni b'saħħitha ħafna. Ilkoll sostnew li jemmnu li hemm ħafna iżjed fejn politikament u diplomatikament, iż-żewġ pajjiżi jistgħu jibbenefikaw minn xulxin.
Matul il-laqgħa kienu diskussi wkoll numru ta' temi ta' attwalità politika u diffikultajiet li qed naraw f'bosta reġjuni. Kien għalhekk li ż-żewġ Ministri tkellmu wkoll dwar ix-xogħol importanti li qed isir fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda hekk kif ir-Repubblika tal-Korea se tkun qed tingħaqad ma' Malta fl-2024 bħala membru elett ta' dan l-istess kunsill.
Il-Ministru Park Jin irringazzja lill-Ministru Borg taż-żjara tiegħu għaliex turi l-impenn li għandu pajjiżna għal kollaborazzjoni aktar viċina.
Il-Ministru Borg kompla biż-żjara tiegħu permezz ta' laqgħa mal-Viċi Ministru tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Enerġija, Kang Kyungsung. Iddiskutew il-ftehim li ffirmaw iż-żewġ pajjiżi lbieraħ fil-qasam tat-turiżmu u kif dan se jkun qed iħalli impatt fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-ministri tennew kif jemmnu li wara dawn il-laqgħat u l-iffaċilitar politiku li se jkun qed isir bejn iż-żewġ pajjiżi, hemm possibbiltà b'saħħitha ta' kollaborazzjonijiet ta' negozju, b'mod partikolari fejn jidħol is-settur teknoloġiku anke għall-fatt li pajjiżna għandu rata għolja ta' persuni kwalifikati f'dan is-settur ekonomiku daqstant emerġenti u b'saħħtu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en