STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Ftehim ta’ kooperazzjoni fis-settur tat-turiżmu mar-Repubblika tal-Korea
Is-settur tat-turiżmu huwa pedina essenzjali mill-ekonomija ta’ Malta, mhux wisq inqas għar-Repubblika tal-Korea. Kien għalhekk li waqt żjara uffiċjali tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg f’Seoul, fir-Repubblika tal-Korea, iffirma ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Ministru għall-Kultura, Sport u Turiżmu Yu Inchon, sabiex ikun hemm qafas li permezz tiegħu ż-żewġ pajjiżi jkunu jistgħu jikkooperaw aħjar f’dan is-settur importanti.
Permezz ta’ dan il-ftehim se tkun qed tinħoloq ekosistema li tiffaċilita l-kooperazzjoni turistika u b’hekk ikun hemm aktar skambji turistiċi. Intqal ukoll kif permezz ta’ dan il-ftehim qed naraw li jkun hemm aktar skambju ta’ statistiċi u pubbliċità, fost oħrajn, filwaqt li jkunu mħeġġa l-parteċipazzjonijiet taż-żewġ pajjiżi f’fieri importanti. Se jkun qed jiġi ffaċilitat u mħeġġeġ ukoll biex individwi li jiffukaw fuq il-promozzjonijiet turistiċi jkunu jistgħu jżuru ż-żewġ pajjiżi rispettivi u jippromwovu dak offrut mill-istati.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg sostna li huwa essenzjali li Malta tħares lil hinn mis-suq tradizzjonali Ewropew iżda wkoll tkompli tkabbar il-potenzjal tagħha billi tiftaħ għal swieq li huma ‘l bogħod minn xtutna u li qed ifittxu xi ħaġa ġdida. Ian Borg qal li n-numru ta’ viżitaturi mir-Repubblika tal-Korea huma diġà inkoraġġanti u jemmen li permezz ta’ dan il-ftehim se jkun qed isir aktar titjib. Huwa kompla jgħid kif it-turist Korean huwa wieħed ta’ kwalità u jeħtieġ li bħala pajjiż inkomplu ninvestu fih sabiex naraw li dan is-settur ekonomiku jkompli jimraħ u jħalli r-riżultati.
Il-Ministru Borg kellu wkoll laqgħa mal-Ministru għall-Ġustizzja u r-Rappreżentant Speċjali tal-President tal-Repubblika tal-Korea Han Dong Hoon wara li kien f’Malta ftit tal-ġimgħat ilu. Laqgħa oħra importanti kienet dik mal-Ministru għall-Oċeani Cho Seung Hwan li kien akkumpanjat wkoll minn numru ta’ sidien tal-kumpaniji tal-vapuri u l-merkanzija. Hawnhekk kienu diskussi l-isfidi u l-opportunitajiet f’dan is-settur li huwa tant essenzjali għaż-żewġ pajjiżi u anke l-kooperazzjoni li tista’ ssir.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en