STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ: Malta Ġusta: Fis-sena li ġejja l-Gvern ser jinvesti €80 miljun ta’ fondi Ewropej għal diversi proġetti f’kull settur
Għas-sena 2024, l-ammont ta' fondi Ewropej li l-Gvern ser jinvesti fuq proġetti u skemi f'setturi differenti ser jammonta globalment għal €80 miljun. Dan l-ammont ser jimmobilizza investiment f'pajjiżna permezz tal-fondi ta' koeżjoni tal-Unjoni Ewropea ta' €900 miljun.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-kampus tal-MCAST f'Raħal Ġdid bit-tema 'Malta Ġusta', is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett ta dettalji dwar l-użu qawwi ta' fondi Ewropej matul is-sena li ġejja bis-saħħa tal-Budget 2024.
Milqugħ mill-Prinċipal tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja, Dr Bonett kellu l-opportunità li jiltaqa' ma' studenti tal-kulleġġ u magħhom josserva wieħed mill-istejjer ta' suċċess tal-fondi Ewropej. B'aktar minn investiment ta' €100 miljun, f'dan il-Kulleġġ twettaq titjib fil-faċilitajiet u fl-ambjent biex joffri esperjenza ta' tagħlim mill-aqwa liż-żgħażagħ ta' pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-Budget li ġie ppreżentat it-Tnejn li għadda mhux biss elenka kullana ta' inċentivi għall-poplu kollu fis-sena li ġejja, iżda fassal ukoll il-viżjoni ekonomika u soċjali li għandu dan il-Gvern għal pajjiżna għall-10 snin li ġejjin.
“Viżjoni mibnija fuq miżuri speċifiċi li jinċentivaw in-negozju, sabiex imbagħad jinħoloq ix-xogħol. Negozju u xogħol li issa ser jidħol f'fażi fejn ma jħarisx biss lejn il-kwantità, iżda jiffoka fuq il-kwalità ta' negozju li jsir. Il-qalba għall-ekonomija l-ħadra u fuq kollox li nkunu preparati għas-suq diġitali huwa kruċjali biex l-ekonomija tkompli tikber b'investiment immirat li joħloq xogħol speċjalizzat," qal Dr Bonett.
Il-fondi Ewropej huma parti importanti minn din l-istrateġija. Fosthom bl-iskemi tal-Business Enhance għal SMEs li ser iwassal għall-investiment ta' €40 miljun fis-sena li ġejja, kif ukoll loans issussidjati li ser jistimulaw iktar minn €60 miljun f'investiment mill-SMEs.
Is-Segretarju Parlamentari Bonett qal li l-Budget 2024 jagħti prijorità assoluta lill-ambjent u għalhekk jikkometti fondi Ewropej biex jintlaħqu l-miri ta' Malta sostenibbli. Ewlenin fosthom fuq proġetti bħal Freeport Onshore power supply, l-infrastruttura għall-iċċarġjar ta' vetturi elettriċi kif ukoll proġetti ta' afforestazzjoni.
Ser ninvestu wkoll fondi Ewropej fit-tieni interconnector għal iktar enerġija nadifa u f'batteriji li jaħżnu u jimmassimizzaw l-użu tal-enerġija, kif ukoll tisħiħ fid-distribuzzjoni tal-elettriku permezz ta' madwar €50 miljun mill-fondi tar-RePowerEU.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fis-saħħa tal-poplu, fosthom permezz taċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran f'Raħal Ġdid, il-bank tad-demm kif ukoll l-implimentazzjoni tal-MRI Linac.
Fl-edukazzjoni, se titwettaq il-wegħda elettorali li jingħata laptop lit-tfal kollha tas-seba' sena. Dan huwa kkumplimentat bl-investiment infrastrutturali fl-iskejjel.
Il-fondi Ewropej ser jibqgħu kruċjali fl-appoġġ tat-trasformazzjoni fit-tul ta' Malta fejn l-intrapriżi jinvestu f'ħaddiema li minbarra li jżidu l-kompetittività tan-negozji, iżidu t-titjib tal-ħiliet tal-workforce tagħna fil-futur. Għalhekk l-iskemi 'Investing in Skills' u 'Access 2 Employment' se jkomplu fl-2024.
“Il-fondi Ewropej, flimkien mal-investiment li ser ikun qed jagħmel il-Gvern permezz tal-fondi nazzjonali, ser iwassluna biex nilħqu l-għanijiet ta' pajjiżna – li jkollna ekonomija b'saħħitha, li tiġġenera ambjent pożittiv ta' investiment min-negozji u toħloq xogħol ta' kwalità. Xogħol li jkattar il-ġid, li jitqassam b'mod ġust ma' min hu fil-bżonn, u li jiġi investit fis-saħħa, l-edukazzjoni u l-ambjent," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Bonett.
Min-naħa tiegħu, il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja qal, “Fl-MCAST sar investiment qawwi fl-infrastruttura edukattiva, li fost oħrajn qed ibiddel u jimmodernizza l-kampus u l-ambjent edukattiv kemm għall-istudenti u wkoll għall-edukaturi. Fuq kollox għandna ninvestu fl-istudenti biex ikomplu jeċċellaw fit-tagħlim tagħhom, itejbu l-ħiliet u jkomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom."
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en