STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Malta Ġusta: Żieda ta’ kważi €80 miljun fuq pensjonijiet meta mqabbel mas-sena 2023
Minn Jannar tas-sena d-dieħla, aktar minn 100,000 pensjonant tal-irtirar, romol, dawk tal-invalidità u dawk li jieħdu l-pensjoni tal-età se jiżdiedu €15 fil-ġimgħa, inkluż iż-żieda tal-għoli tal-ħajja. €10.73 jitħallsu fil-pensjoni u €4.27 fil-bonus tal-għoli tal-ħajja.
Il-ħlasijiet fuq pensjonijiet biss se jlaħħaq il-€1.1 biljun li jfisser kważi €80 miljun żieda fuq is-sena 2023.
Sostna dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet, bit-tema Malta Ġusta, fejn matulha spjega kif din ser tkun id-9 żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet taħt dan il-Gvern.
Il-Ministru Michael Falzon insista illi dan il-Gvern kompla iwieżen il-bżonnijiet tal-pensjonanti, sena wara oħra, b'kuntrast għal dak li sar minn amministrazzjoni preċedenti għal 22 sena meta ma ngħatatx żieda waħda fil-pensjoni u saħansitra kien hemm żmien fejn il-pensjonanti kienu jieħdu biss żewġ terzi tal-COLA u mhux sħiħa.
“Nemmnu li għandna nkunu hemm għal dawk li għandhom bżonn l-għajnuna filwaqt li nirrikonoxxu l-ħidma ta' dawk il-persuni illi ħadmu u stinkaw snin sħaħ. Għalhekk għandna d-dover li ntejbulhom il-livell t'għajxien tagħhom filwaqt li nkomplu nifhmu u nindirizzaw il-bidliet demografiċi f'pajjiżna", stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Ġew elenkati numru ta' miżuri ġodda u oħrajn illi ser ikomplu jibnu fuq benefiċċji preċedenti dan filwaqt illi l-pensjonijiet ser jibqgħu mhux taxxabbli. Mis-sena d-dieħla 'l quddiem se jkunu inklużi wkoll romol li jkunu għadhom ma għalqux il-61 sena iżda jkunu qed jirċievu l-pensjoni tar-romol. Dawn ukoll issa ma jibqgħux iħallsu taxxa fuq il-pensjoni. B'dan il-mod se tkun qed titwettaq ġustizzja ma' dawn il-persuni wkoll.
Barra minn hekk, il-persentaġġ tad-dħul mill-pensjoni li ma jiġix ikkalkulat bħala dħul għal fini tat-taxxa ser jiżdied għal 60%, biex b'hekk il-pensjonanti li jkollhom dħul addizzjonali fuq il-pensjoni igawdu minn tnaqqis akbar fit-taxxa. Minn dawn il-miżuri se jgawdu mas-17,000 pensjonant li għandhom dħul addizzjonali fuq il-pensjoni tas-sigurtà soċjali li se jiffrankaw €27 miljun f'taxxa fuq tali dħul addizzjonali (eżempju impjieg).
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet ingħataw dettalji dwar miżura ewlenija li se tkun qed tindirizza anomalija li ħolqot amministrazzjoni preċedenti, fejn ħolqot distinzjoni bejn dawk il-persuni li twieldu qabel jew wara l-1962. Fil-fatt, mis-sena d-dieħla l-istess mekkaniżmu ta' żidiet fil-pensjoni li japplika għal dawk li twieldu fl-1962 jew wara (li s'issa kien għadu ma daħalx fil-prattika) se jkun japplika ukoll għall-pensjonanti li twieldu qabel l-1962.
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Mark Musu stqarr illi kieku l-Gvern mexa ma' dan il-mekkaniżmu u skont ir-riforma tal-2006, is-sena d-dieħla l-pensjonanti li twieldu wara l-1962 (min minnhom irtira kieku kien dovut l-ewwel żieda bil-mekkaniżmu fl-2024) kienu garantiti jieħdu żieda ta' €10.87 u dawk li twieldu qabel (ċioè l-pensjonanti kważi kollha ta' bħalissa) kienu garantiti jieħdu żieda ta' €8.54 (2/3 tal-COLA).
Kien spjegat iżda, li dan il-Gvern iggarantixxa żieda ugwali għal kulħadd, li għas-sena d-dieħla hija ta' €15 fil-ġimgħa anke minħabba l-inflazzjoni għolja, u l-istess mekkaniżmu mill-2024 se japplika għal kulħadd l-istess.
Intant saret referenza wkoll għal numru ta' miżuri soċjali oħra li jolqtu l-pensjonanti, ewlenija fosthom id-Dħul Pensjonabbli Massimu wieħed, l-Aġġustament ieħor fil-Bonus tal-Għoli tal-Ħajja, it-Titjib għall-pensjonanti tas-servizz li jaħdmu u anke dawk li ma jaħdmux u m'għandhomx benefiċċji, u ż-żieda fil-bonus lil min ma jikkwalifikax għall-pensjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en