STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Aktar investiment għal-lokalitajiet ta’ kwalità
Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ġnien il-Familja f’Ħad Dingli, tħabbar li 5 Kunsilli Lokali ser jingħataw fondi permezz tal-Iskema ta’ Finanzjament għall-Manutenzjoni u Sostenn ta’ Proġetti Infrastrutturali Maġġuri mwettqa mill-Gvern.
Din l-iskema kienet maħruġa għar-raba sena konsekuttiva mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, bl-għan li proġetti maġġuri mwettqa mill-Gvern fil-lokalitajiet jibqgħu jiġu miżmuma fi stat tajjeb mill-Kunsilli Lokali rispettivi.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li permezz ta’ dawn il-fondi addizzjonali l-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu jagħmlu l-manutenzjoni meħtieġa fuq proġetti maġġuri fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom u għaldaqstant iżommu l-lokalità f’qagħda tajba li tirrifletti wkoll f’kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti.
Il-Kunsilli Lokali li qed jibbenefikaw minn dawn il-fondi huma: il-Kunsill Lokali tal-Mosta għal proġett li ser iżid aktar sigurtà fil-pjazza tal-Mosta; il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann għal ‘fencing’ ġdid f’spazju rikreattiv; il-Kunsill Lokali tal-Birgu għal manutenzjoni tal-foss tal-Birgu; il-Kunsill Lokali tal-Gudja għal fanali ġodda li jaħdmu bl-enerġija sostenibbli; u l-Kunsill Lokali ta’ Ħad Dingli għal manutenzjoni tal-funtana u l-bandli f’Ġnien il-Familja.
Is-Sindku ta’ Ħad Dingli Raymond Schembri qal li permezz ta’ dawn il-fondi addizzjonali l-komunità ta’ Ħad Dingli ser tkun qed tibbenefika minn spazju rikreattiv ta’ kwalità għal familja kollha.
Min-naħa tagħha, id-Direttur għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Politika Marisa Pisani rrimarkat li l-għan ta’ dan il-finanzjament huwa li jsostni u jiżgura li proġetti infrastrutturali fil-lokalitajiet jibqgħu jinżammu fi stat tajjeb.
Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti s-Sindki u s-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsill Lokali li qed jibbenefikaw minn dawn il-fondi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en