STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U L-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Ir-relazzjoni bejn dawk li jieħdu ħsieb l-istudenti u l-ġenituri hija pedament għal edukazzjoni ta
Ġie organizzat seminar mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, li ddiskuta t-tema tal-importanza li tkompli titkattar relazzjoni mill-aqwa bejn dawk li jieħdu ħsieb lill-istudenti u l-ġenituri jew kustodji tagħhom.
Is-seminar ta’ ġurnata huwa t-tieni wieħed li kien organizzat mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi li għalih kienu mistiedna biex jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom ukoll il-Kumitat għat-Trobbija Pożittiva u t-Tisħiħ tal-Familja fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal. Dan is-seminar ġie indirizzat ukoll mill-Ministru Clifton Grima u l-Ministru Michael Falzon
Waqt is-seminar intqal li fix-xenarju divers tal-iżvilupp tat-tfulija bikrija, l-irwol tal-persuni li jieħdu ħsieb lill-istudenti u tal-ġenituri huwa wieħed mill-pedamenti tal-edukazzjoni tat-tfal. Irwol ieħor li huwa wkoll importanti u delikat, huwa dak taċ-child carers li ġew fdati mill-ġenituri bit-tfal tagħhom, li għandhom iservu bħala pont bejn it-tfal u l-ġenituri, partikularment fi żminijiet ta’ sfida. Meta l-familji jiffaċċjaw diffikultajiet, dan għandu impatt sinifikanti fuq il-benesseri tat-tfal u hawnhekk ir-responsabbiltà testendi lil hinn mill-klassi.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal, “L-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2023-2030 hija mibnija fuq l-importanza li tingħata lill-persuna. Bit-trasformazzjoni li qed nagħmlu f’dan is-settur, il-persuna hija fiċ-ċentru tas-sistema edukattiva. Biex dan l-għan jintlaħaq, irid ikun hemm relazzjoni mill-aqwa bejn dawk kollha li huma parti integrali fis-settur; l-istudent, l-edukatur, kif ukoll il-ġenitur.”
Il-Ministru għal Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon saħaq li permezz ta’ dan is-seminar, childcare educators setgħu jitkellmu u jaqsmu mal-grupp esperjenzi li għaddew minnhom, biex jgħinu lil xulxin jilħqu l-istess għan – dak li jsaħħu r-relazzjoni bejn ic-childcare educator u l-ġenitur. Il-Ministru Falzon fakkar li kien dan il-Gvern li għen lil dak il-ġenitur li għal xi raġuni jew oħra m’għandux min jieħu ħsieb lit-tfal biex imur jaħdem. Semma wkoll l-importanza li childcare educators dejjem iżommu relazzjoni u kommunikazzjoni tajba mal-ġenituri għal diversi raġunijiet differenti li minnhom jibbenefikaw it-tfal.
Waqt is-seminar issemma kif huwa kruċjali li tinħoloq relazzjoni tajba biex il-ġenituri jkunu jistgħu jesprimu t-tħassib, il-biżgħat u l-aspirazzjonijiet tagħhom dwar uliedhom. Huwa għalhekk li l-kollaborazzjoni bejn il-ġenituri u ċ-child carers hija essenzjali.
Dawn għandhom ukoll rwol li jħeġġu lill-ġenituri biex jipparteċipaw b’mod attiv fl-edukazzjoni ta’ wliedhom, għaliex l-ewwel edukazzjoni tat-tfal hija dik li tingħata mill-ġenituri tagħhom.
“L-Istrateġija għall-Edukazzjoni l-ġdida tħares lejn familja li hija unika, lejn tifel jew tifla li għandhom il-bżonnijiet partikolari tagħhom, lejn id-diversitajiet kollha li jiffurmaw is-soċjetà tal-lum. L-istrateġija hija mibnija wkoll fuq pilastri li huma essenzjali għall-edukazzjoni – imma fuq kollox pilastri wkoll li jieħdu ħsieb il-benesseri tal-istudenti tagħna,” temm jgħid il-Ministru Grima.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en