STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela indirizza l-konferenza Med-Tech World li qed issir f'pajjiżna. Matul din il-konferenza qed jiġu diskussi bosta temi, fosthom l-innovazzjoni diġitali fil-kura tas-saħħa b'mod speċjali tal-anzjani, kif ukoll l-importanza tal-kwalità u s-sigurtà fl-oqsma tal-mediċina, farmaċija u tagħmir mediku.
Il-Ministru Jo Etienne Abela beda d-diskors tiegħu billi rrimarka li l-post fejn qed issir din il-konferenza, Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, magħrufa bħala Sacra Infermeria, kellha storja ta' eċċellenza unika fid-dinja fil-provediment ta' kura li bdiet 400 sena ilu. Huwa kompla li minkejja iċ-ċokon ta' pajjiżna, ninsabu fuq quddiem nett f'dak li jirrigwarda kura ta' eċċellenza.
Il-Ministru Abela spjega l-viżjoni tal-gvern fil-qasam tal-anzjanità attiva, fejn semma kif fost il-prijoritajiet f'dan is-settur hemm il-kura preventiva fejn għaddejja ħidma sabiex jiġu estiżi programmi ta' monitoraġġ għall-kundizzjonijiet li jwasslu għal diżabilità u dipendenza. Semma wkoll il-ħidma sabiex servizzi ta' kura jitwasslu fid-djar tal-anzjani li jgħixu fil-komunità.
Il-Ministru Abela semma wkoll kif id-diġitalizzazzjoni u l-użu ta' teknoloġija intelliġenti għandu jgħin ir-riżors uman sabiex iwassal servizzi tal-ogħla kwalità u enfasizza wkoll l-importanza tal-aċċessibiltà tat-teknoloġija għall-anzjani.
Il-Ministru Abela temm jgħid kif l-operat fil-qasam tal-kura għall-anzjani għandu jkompli mixi lejn it-transizzjoni diġitali u ambjentali filwaqt li jibqa' ffukkat mill-bidu sal-aħħar fuq il-ħtiġijiet tal-anzjani.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en