STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Pass ieħor għal edukazzjoni ta’ kwalità fl-MCAST
“Il-liġi l-ġdida tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija mhux biss hija pass ieħor biex jissaħħu l-MCAST u l-opportunitajiet ta' tagħlim għal kulħadd, imma hija wkoll pass ieħor għal edukazzjoni ta' kwalità f'din l-istituzzjoni edukattiva", spjega l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima waqt it-tnedija ta' din il-liġi.
Din il-liġi l-ġdida hija importanti biex l-MCAST ikollu awtonomija akbar, aktar responsabbiltajiet kif ukoll riżorsi biex ikompli jipprovdi l-ħiliet li jeħtieġ pajjiżna għad-dinja tax-xogħol tal-lum u tal-futur.
“Meta nitkellmu dwar l-istejjer ta' suċċess tal-MCAST, mhux qed insemmu biss is-suċċess ta' istituzzjoni edukattiva, imma fuq kollox is-suċċess ta' eluf ta' studenti, iktar minn 40,000 fi 23 sena. Studenti li eċċellaw fit-tagħlim tagħhom u li qed ikomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom", qal il-Ministru Grima.
Il-pjan strateġiku tal-MCAST 2022-2027 stabbilixxa bħala mira ewlenija l-għan li jsir kulleġġ tal-komunità. Fl-2022, l-istudenti fl-MCAST taw aktar minn 55,000 siegħa ta' xogħol volontarju permezz tal-programm Community Social Responsibility, għalhekk importanti li l-kulleġġ, permezz tal-liġi l-ġdida, ikun hemm għal kulħadd.
L-MCAST hija l-ewwel istituzzjoni ta' edukazzjoni ogħla f'Malta li għandha l-leġiżlazzjoni tagħha indipendentement mill-Att dwar l-Edukazzjoni.
Il-liġi l-ġdida saħħet il-bord tat-tmexxija billi inkludiet fih l-istudenti u l-membri tal-istaff; wessgħet il-mandat tagħha biex tinkludi r-rwol li għandha l-industrija u d-dmir lejn il-komunità. L-MCAST jaħdem ma' aktar minn 2,300 kumpanija u hija meħtieġa aktar kollaborazzjoni, aktar kumpaniji li jagħmlu l-apprendistati ta' kwalità parti mill-missjoni tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv u Prinċipal tal-MCAST, il-Prof. Joachim James Calleja, spjega, “Din il-leġiżlazzjoni ġdida tibgħat messaġġ importanti li hemm post għal kulħadd fl-MCAST. Dan issa se jkun rifless f'rappreżentanza wiesgħa fil-livelli kollha ta' governanza. Il-bidu pożittiv għal din is-sena akkademika jawgura tajjeb, fejn kellna żieda fl-applikazzjonijiet f'kull istitut. Se nkomplu bl-impenn tagħna lejn l-istudenti biex nipprovdulhom l-aħjar ambjent u opportunitajiet biex jikbru, jitgħallmu u jaħdmu".
L-għan ewlieni tal-kulleġġ huwa li jippermetti lill-istudenti jilħqu l-potenzjal tagħhom, sfida importanti fil-ħidma li għaddejja lejn l-aqwa kwalità ta' tagħlim, u f'dan, il-kulleġġ għandu dmir li jkun inklussiv u joffri l-għajnuna li hemm bżonn biex kull student jirnexxi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en