STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Il-perjodu għar-riċerka fuq is-seba’ speċi tal-għasafar tal-għana jiftaħ għada taħt kundizzjonijiet strettament sorveljati
Il-gvern, wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis, qiegħed iħabbar il-ftuħ tal-perjodu ta' riċerka fuq is-seba' speċi tal-għasafar tal-għana mill-20 ta' Ottubru sal-20 ta' Diċembru 2023, iż-żewġ dati inklużi.
Kull min se jipparteċipa fil-proġett ta' riċerka fuq l-għasafar tal-għana, taħt l-awtorizzazzjoni tal-liċenzja speċjali maħruġa f'ismu se jkun:
- Obbligat iħarrab lura fis-selvaġġ kull għasfur tal-għana li jaqbad immedjatament wara li jkun iċċekkja jekk hux imlibbes ċurkett xjentifiku u jirrapportah dak il-ħin stess (speċi u ammont) billi jċempel, mingħajr ħlas, fuq 8000 2020 minn numru tal-mobile reġistrat f'ismu, jew billi juża l-mobile app 'Game Reporting MT'. Is-sistemi jikkonfermaw ir-rapport billi jintbagħat lura SMS bħala konferma;
- Obbligat jikteb id-dettalji kollha fil-formola taċ-ċrieket maħruġa f'ismu, li hija inkluża mal-liċenzja speċjali, jekk jaqbad għasfur tal-għana b'ċurkett xjentifiku;
- Kull għasfur li jaqbad li għandu ċurkett xjentifiku għandu wkoll jiġi rrapportat dakinhar stess kif spjegat fil-liċenzja speċjali;
- Imħeġġeġ jieħu filmat qasir fejn juri l-għasafar tal-għana qegħdin jitħarrbu mill-istess post minn fejn inqabdu kif spjegat fil-liċenzja speċjali;
- Jirrapporta r-research effort kull meta jieħu sehem fil-proġett ta' riċerka u ma jkunx qabad għasafar tal-għana billi, qabel jitlaq, iċempel, mingħajr ħlas, fuq 8000 2020 minn numru tal-mobile rreġistrat f'ismu, jew juża l-mobile app 'Game Reporting MT', kif spjegat fil-liċenzja speċjali.
Deroga għall-insib tal-Malvizz u l-Pluviera 2023
Il-gvern, wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis, qiegħed ukoll iħabbar il-ftuħ tal-istaġun għall-insib tal-malvizz mill-20 ta' ottubru 2023 sal-31 ta' diċembru 2023, iż-żewġ dati inklużi, u għall-pluviera mill-1 ta' Novembru 2023 sal-10 ta' Jannar 2024, iż-żewġ dati inklużi, bi kwota nazzjonali ta' 5,000 malvizz u 700 pluviera.
Kull min huwa liċenzjat li jonsob għall-malvizz u għall-pluviera se jkun:
- Obbligat jirrapporta immedjatament kull malvizz u pluviera li jaqbad billi jċempel, mingħajr ħlas, fuq 8000 2020 minn numru tal-mobile rreġistrat f'ismu, jew billi juża l-mobile app 'Game Reporting MT'. Is-sistemi jikkonfermaw ir-rapport billi jintbagħat lura SMS bħala konferma;
- Jekk jaqbad malvizz jew pluviera b'ċurkett xjentifiku, obbligat jikteb id-dettalji kollha fil-formola taċ-ċrieket, maħruġa f'isem il-persuna bil-liċenzja, li hija inkluża mal-liċenzja speċjali;
- Jirrapporta t-trapping effort kull meta jmur jonsob u ma jaqbadx mlievez jew pluvieri billi, qabel jitlaq, iċempel, mingħajr ħlas, fuq 8000 2020 minn numru tal-mobile rreġistrat f'ismu, jew juża l-mobile app 'Game Reporting MT', kif spjegat fil-liċenzja speċjali.
Is-sistema telefonika 8000 2020 tipprovdi gwida permezz ta' messaġġi bil-vuċi li huma faċli biex wieħed isegwi, u ż-żewġ sistemi jikkonfermaw ir-rapport billi jintbagħat lura SMS bħala konferma.
Kull min hu fil-pussess tal-liċenzja speċjali għar-riċerka tal-għana u/jew għall-insib tal-malvizz u l-pluviera legalment obbligat josserva r-regolamenti kollha marbuta ma' dawn iż-żewġ derogi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en