STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU VisitMalta b’sostenn finanzjarju għal Luxol St Andrews Futsal Club matul il-UEFA Champions League tal-Futsal
VisitMalta ser tkun qegħda tappoġġja lil Luxol St Andrews Futsal Club matul l-esperjenza tagħhom fil-UEFA Champions League tal-Futsal. Grazzi għal dan is-sostenn finanzjarju ta' €10,000, VisitMalta ser tkun viżibbli fuq il-flokkijiet tat-tim tal-Luxol fil-logħbiet li għandhom il-ġimgħa d-dieħla kontra ċ-Champions Ewropej tal-Futsal FC Barcelona, Sporting Anderlecht u Loznica-Grad 2018.
Dawn id-dettalji tħabbru f'konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fil-preżenza tat-tmexxija u d-diriġenza ta' Luxol St Andrews Futsal Club.
Il-Ministru Clayton Bartolo stqarr li l-għan ta' VisitMalta m'għadux sempliċiment li jattira t-turisti lejn pajjiżna. “Irridu nkomplu nkunu ta' spalla mal-għaqdiet sportivi u dawk kollha li għandhom l-aspirazzjoni jikkompetu f'isem Malta barra minn xtutna fi kwalunkwe dixxiplina sportiva. M'hemm xejn isbaħ li jkollna Maltin stess li jagħmlu isem għalihom infushom u reklam sabiħ għal Malta," saħaq il-Ministru Clayton Bartolo.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef qal li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ser issaħħaħ l-impenn tagħha li tkompli tagħti importanza lit-turiżmu sportiv. “Din hija niċċa emerġenti fil-prodott turistiku ta' pajjiżna li qiegħda tagħtina riżultati pożittivi. It-turiżmu sportiv ser jgħinna bil-kbir biex inkomplu nattiraw turiżmu ta' kwalità ogħla fuq medda ta' sena sħiħa," temm jgħid Carlo Micallef.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en