STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA: 104 avukati u 2 prokuraturi legali ġodda jingħataw il-warrant
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ippreżenta l-warrants lil 104 avukati u 2 prokuraturi legali ġodda wara li dawn urew il-kompetenza tagħhom li jeżerċitaw il-professjoni legali.
F’ċerimonja fil-Berġa d’Aragona, il-Ministru Attard awgura lill-avukati u lill-prokuraturi legali l-ġodda u rringrazzjahom li għażlu li bil-ħiliet u bl-għerf tagħhom jidħlu għal professjoni li se tkompli ssaħħaħ il-ġustizzja f’pajjiżna.
“It-tisħiħ tal-ġustizzja f’pajjiżna huwa l-aspett li jgħaqqadna lkoll. Fi żmien fejn għalikom li tinsabu hawn se tkunu qed tidħlu għal pass ġdid u importanti, fis-settur li deħlin fih qed isiru riformi bla preċedent,” saħaq il-Ministru Attard filwaqt li elenka numru ta’ riformi li l-gvern qed jaħdem fuqhom.
Fl-intervent tieħu, il-ministru spjega x’wassal għad-dewmien inaċċettabbli u mhux neċessarju fil-proċess tal-għoti tal-warrant. Huwa ħabbar li l-ministeru se jkun qed iressaq emendi legali li fost l-oħrajn jistabbilixxu terminu ġust ta’ meta jsir il-proċess tal-fit and proper mill-Kumitat tal-Avukati u Prokuraturi Legali, mekkaniżmu ta’ żblokk f’każ li ma jkunx hemm qbil fuq il-linji gwida u l-kwestjonarju marbut mal-proċess u anke emendi li jiċċaraw il-proċess u l-proċedura.
“Ma nistgħux naċċettaw sitwazzjoni fejn persuna li taspira li tipprattika l-professjoni ta’ avukat jew prokuratur legali tgħaddi minn sitwazzjoni inaċċettabbli li sabu ruħhom fiha dawn l-professjonisti”, tenna l-Ministru Attard filwaqt li appella lill-professjonisti l-ġodda biex ma jiddakkrux minn dawk li fil-professjoni l-kompjaċenza hija l-ordni tal-ġurnata u jirreżistu kull bidla bl-iskuża li l-affarijiet ilhom isiru hekk.
Iċ-ċerimonja kienet indirizzata wkoll mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, Dr Peter Fenech f’isem il-Kamra tal-Avukati u PL Gerald Bonello f’isem il-Kamra tal-Prokuraturi Legali.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll l-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttigieg, is-Segretarju Permanenti Johan Galea, l-amministrazzjoni tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati, kif ukoll rappreżentanti tal-Kamra tal-Avukati.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en