STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET: Il-prattiċi tajba tal-MBR issa gwida għal reġistri oħra internazzjonali – il-Ministru Silvio Schembri
Malta tospita l-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Corporate Registry Forum
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, qal li d-deċiżjoni tal-Corporate Registry Forum (CRF) li jagħżlu lil Malta għall-konferenza ġenerali annwali tagħhom, wara li s-sena li għaddiet pajjiżna kien aċċettat bħala membru sħiħ ta’ dan il-forum, juri fiduċja f’pajjiżna.
Is-CRF hija assoċjazzjoni ta’ reġistri tal-kumpaniji internazzjonali, inkluż ir-reġistru Malti (MBR). F’pajjiżna matul din il-ġimgħa hawn 200 delegat minn madwar 40 pajjiż differenti għall-konferenza annwali tas-CRF, li qed isservi bħala pjattaforma għal prattiċi tajba, skambju ta’ ideat mid-diġitalizzazzjoni sa kif tegħleb riskji finanzjarji.
Waqt il-ftuħ ta’ din il-konferenza, aktar kmieni llum, il-Ministru Schembri tkellem dwar l-inizjattivi riċenti tal-MBR li llum huma meqjusa bħala prattiċi tajba u huma ta’ gwida għal reġistri internazzjonali.
“Huwa grazzi għax-xogħol tal-MBR li llum pajjiżna huwa parti mis-CRF. Illum l-MBR hija simbolu tal-progress ekonomiku ta’ pajjiżna. Il-funzjoni primarja ta’ din l-entità hija li żżomm ir-reġistri aġġornati u tipprovdi assistenza għan-negozji reġistrati u tgħin biex jitnaqqas ir-riskju ta’ kriminalità minn attivitajiet finanzjarji illegali, billi tara li n-negozji qed jilħqu mal-obbligi legali tagħhom,” tenna l-Ministru Schembri.
L-MBR għamlet passi sinifikanti ’l quddiem f’dak li għandu x’jaqsam ma’ teknoloġija innovattiva, biex tkompli ttejjeb l-effiċjenza, tnaqqas il-burokrazija u saħħaħ il-governanza tajba, filwaqt li tibqa’ taħdem fil-qrib man-negozji kemm lokali kif ukoll barranin.
“Stabbilixxejna entitajiet bħall-FIAU, l-Awtorità Maltija tal-Logħob, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, il-Bord ta’ Sorveljanza dwar is-Sanzjonijiet u l-MBR biex niġġieldu l-ħasil tal-flus u t-terroriżmu finanzjarju. Is-sinerġija bejn dawn l-entitajiet u l-aġenziji internazzjonali twassal għal serħan il-moħħ u prattiċi tajbin,” temm jgħid il-ministru.
Fid-diskors tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-MBR, Dr Geraldine Spiteri Lucas, qalet, “L-MBR hija onorata li qed tilqa’ f’pajjiżna madwar 40 reġistru tan-negozji minn madwar id-dinja. Din il-konferenza toffri l-opportunità biex reġistri minn madwar id-dinja jiltaqgħu u jikkollaboraw flimkien. Kull ġurisdizzjoni, inkluża tagħna, tiffaċċja numru ta’ sfidi fuq livelli varji. Is-soluzzjoni għal dawn l-isfidi hija l-kollaborazzjoni mhux biss bejn l-awtoritajiet u r-regolaturi iżda bejn l-istakeholders kollha. Il-missjoni kollettiva tagħna hija li niżguraw trasparenza sħiħa fir-rigward tal-istrutturi legali kollha.”
Min-naħa tagħha, Louise Smyth, Kap Eżekuttiv tas-CRF u Companies House UK, qalet li, “Huwa ta’ unur li l-familja ta’ CRF qed tiltaqa’ fil-gżira ta’ Malta għal din it-tieni konferenza minn wara l-pandemija. Inħares ’il quddiem biex niltaqa’ mal-membri tagħna matul din il-ġimgħa u nisma’ fuq ir-riformi u l-pjanijiet li għandkom għall-futur.”
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en