Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ifakkar il-Jum Nazzjonali ta’ Malta flimkien mal-Komunità Maltija ta’ Canberra

pr231614
Date Icon 17/10/2023

“Hekk kif inħarsu lura lejn kważi sittin sena ta' Indipendenza, għandna ħafna għal xiex niċċelebraw u nkunu kburin", stqarr il-President George Vella waqt it-tifkira tal-Jum Nazzjonali ta' Malta f'Canberra, l-Awstralja.

Il-President qal li Jum l-Indipendenza ta' Malta kien jum importanti ħafna għal Malta għax kien pass sinifikanti biex insiru stat. Żied jgħid li dan kien pass żgħir fil-bidu tal-vjaġġ twil biex il-pajjiż sar Malta li nafu llum, fejn id-deċiżjonijiet kollha dwar il-futur tan-nazzjon Malti jittieħdu mill-poplu Malti.

“Illum insellmu u nfakkru lil dawk kollha li b'xi mod jew ieħor taw sehemhom fil-bini tal-pedamenti sodi ta' Malta sovrana u indipendenti", żied jgħid il-President Vella filwaqt li nnota li dan it-tragward huwa l-ewwel minn katina ta' tliet episodji oħra marbuta mill-qrib fl-istorja tagħna li għenu fil-formazzjoni ta' Malta moderna.

Il-President Vella qal li s-suċċess ta' pajjiż wieħed ma jitkejjilx biss mill-kuntentizza u l-ġid tal-poplu tiegħu, iżda jitkejjel ukoll min-numru ta' ħbiberiji dejjiema li dan isawwar tul is-snin, bħalma hu l-każ ta' Malta u l-Awstralja. Ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, qal il-President, bdew ferm qabel it-twaqqif formali tar-rabtiet diplomatiċi fl-1964. Minkejja d-diffikultajiet tal-ivvjaġġar, id-distanza twila, in-nuqqas ta' mezzi ta' komunikazzjoni u d-differenzi fl-istil ta' ħajja tagħhom, ħafna Maltin kibru b'mod reżiljenti fid-dar adottiva l-ġdida tagħhom. Il-President sellem lil dawk kollha li kienu kuraġġużi biżżejjed biex jagħmlu dan il-pass, ħafna drabi minħabba bżonn aktar milli għażla.

Fid-diskors tiegħu, il-President irrimarka wkoll li “d-dinja qatt ma kienet aktar mhedda u maqsuma minn hekk". Qal li l-filmati li jaslulna mill-Ukrajna tal-brutalità, tal-qerda bla sens u tat-tbatija enormi tal-bnedmin huma xhieda tal-ħtieġa li nagħtu prijorità lill-interessi tal-umanità minflok lill-aspirazzjonijiet politiċi u militari, biex inrawmu mentalità ta' paċi, aktar milli ta' gwerra. Il-President iddeplora wkoll l-avvenimenti fil-Lvant Nofsani wara l-vjolenza tal-Ħamas kontra ċittadini Iżraeljani. Qal li din kienet “żbroffar enormi ta' kunflitt li ilu jbaqbaq bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, li għalih qatt ma nkisbet riżoluzzjoni f'dawn is-snin kollha".

Il-President Vella appella għal negozjati diplomatiċi b'intenzjoni tajba b'rispett sħiħ tal-istat tad-dritt u b'osservanza tal-leġiżlazzjoni internazzjonali.

Aktar kmieni, il-President Vella, akkumpanjat mill-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, intlaqa' mill-Prim Ministru tal-Awstralja, Anthony Albanese, f'Parliament House. Iddiskutew l-aktar ir-rwol tal-Komunità Maltija fl-Awstralja, bil-Prim Ministru Albanese jfaħħar il-perseveranza, is-sens qawwi ta' komunità u l-bżulija tagħhom.

L-iskambji ffokaw ukoll fuq il-gwerra fl-Ukrajna u l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani, u fuq it-tħassib tal-Awstralja rigward is-sitwazzjoni tal-Awstraljani li jinsabu f'Gaża. Saret referenza wkoll għall-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea, li qed jiġi mfassal bħalissa, u r-rwol tal-Awstralja fir-reġjun fid-dawl tal-Istrateġija tal-UE għall-Kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku, il-Commonwealth u t-Tibdil fil-Klima.

Il-President Vella u l-Ministru Zrinzo Azzopardi ltaqgħu wkoll ma' Chris Bowen, il-Ministru tal-Awstralja għat-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija.

Waqt ċerimonja ta' tqegħid tal-fjuri fl-Australian War Memorial f'Canberra, il-President fakkar is-sagrifiċċju ta' dawk kollha li tilfu ħajjithom fil-gwerra u ta' dawk li servew lin-nazzjon tagħhom fi żminijiet ta' kunflitt.

Żar ukoll il-Kummissjoni Għolja ta' Malta f'Canberra, fejn iltaqa' mal-impjegati tal-Kummissjoni Għolja u l-membri tal-kumitat tal-Maltese Australian Association of Canberra and Queanbeyan. B'tifkira taż-żjara tiegħu fl-Awstralja, il-President ħawwel siġra Acer Platanoides fil-ġnien tal-Kummissjoni Għolja.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ifakkar il-Jum Nazzjonali ta’ Malta flimkien mal-Komunità Maltija ta’ Canberra
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ifakkar il-Jum Nazzjonali ta’ Malta flimkien mal-Komunità Maltija ta’ Canberra
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ifakkar il-Jum Nazzjonali ta’ Malta flimkien mal-Komunità Maltija ta’ Canberra
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ifakkar il-Jum Nazzjonali ta’ Malta flimkien mal-Komunità Maltija ta’ Canberra
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow