STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Ftehim bejn il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala u l-AACC
Ġie ffirmat ftehim bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) u l-Kunsill Lokali ta' Marsaskala fejn vann li kien għad-dispożizzjoni tal-kunsill ser jgħaddi għand l-AACC biex iservi bħala parti mis-servizz tas-Silver T.
Il-Ministru Jo Etienne Abela u s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, li kienu preżenti għall-iffirmar tal-ftehim, spjegaw kif l-AACC se tuża dan il-vann għat-tliet snin li ġejjin biex jingħata servizz ta' trasport, magħruf bħala Silver-T, skont il-bżonnijiet tal-anzjani li joqogħdu Marsaskala, Żejtun, Marsaxlokk, Birżebbuġa u Ħal Għaxaq, biex ikunu jistgħu jagħmlu l-qadi tagħhom.
Is-servizz tas-Silver-T jopera fuq livell nazzjonali, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-7:00 ta' filgħodu sas-2:00 ta' waranofsinhar u jipprovdi faċilità ta' trasport lil dawk il-persuni anzjani li jixtiequ jmorru ċ-Ċentri tas-Saħħa, ċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva, il-Kunsill Lokali, il-bank, is-suq lokali, u diversi postijiet oħra.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal li permezz ta' dan il-ftehim, ser ikomplu jgħinu numru ta' anzjani li jgħixu fil-komunità fil-ħajja ta' kuljum. Din l-inizjattiva tkompli mal-viżjoni tal-gvern li jkompli jtejjeb u jiffaċilita l-kwalità tal-ħajja għall-anzjani li għadhom jagħmlu parti mill-komunità. Il-Ministru temm jgħid li din il-kollaborazzjoni hi pass ieħor importanti ta' ħidma favur l-anzjani.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li huwa d-dritt ta' kull persuna li tgħix ħajja indipendenti u li dan is-servizz ta' trasport ser jagħti lill-anzjani aċċess għas-servizzi neċessarji ta' kuljum. Is-Segretarju Parlamentari faħħret lill-Kunsill Lokali ta' Marsaskala għall-kollaborazzjoni mal-Anzjanità Attiva favur il-benesseri tar-residenti anzjani tiegħu.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en