STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Se jerġa’ jsir f’Malta l-Kampjonat Ewropew tat-Trott għal Sewwieqa Apprendisti
Fid-29 ta' Ottubru 2023, Malta se tospita l-Kampjonat Ewropew tat-Trott għal Sewwieqa Apprendisti fil-Kumpless tal-Malta Equidrome fil-Marsa. Id-dettalji dwar is-sebgħa u tletin edizzjoni ta' dan l-avveniment importanti Ewropew tħabbru mill-Malta Racing Club fil-preżenza tal-Ministru Clifton Grima u ċ-Chairman ta' EquestriMalta John Huber.
Flimkien mal-Malti Jean Claude Pace, fil-kampjonat se jikkompetu tnax-il sewwieq apprendist ieħor li se jiġu f'pajjiżna flimkien mad-delegazzjonijiet tagħhom. Dan il-kampjonat ilu jsir mill-1986 u din hija t-tielet darba li se jsir f'Malta, wara nuqqas ta' tmienja u għoxrin sena. L-aħħar li sar f'pajjiżna kien fl-1995. Il-kampjonat se jerġa' jsir f'Malta wara sforzi u ħidma mill-Malta Racing Club, l-organizzatur tat-tiġrijiet taż-żwiemel f'pajjiżna, u li llum huwa wkoll regolat mill-EquestriMalta.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima faħħar l-organizzazzjoni ta' dan l-avveniment wara nuqqas ta' għexieren ta' snin, u tenna li l-gvern se jkompli jgħin biex avvenimenti internazzjonali ta' din il-portata jkomplu jsiru, filwaqt li jkompli jissaħħaħ it-turiżmu sportiv.
“Dan l-avveniment huwa wieħed minn kullana sħiħa ta' avvenimenti internazzjonali sportivi li kellna dis-sena u f'dawn l-aħħar snin. Anki permezz tal-ħolqien tal-Awtorità EquestriMalta, dan il-Gvern qed jagħti importanza wkoll l-isport tat-trott u dak ekwestri," qal il-Ministru Grima.
Għal dan l-avveniment mistennija tiġi għall-ewwel darba f'Malta l-President tal-European Trotting Union Marjaana Alaviuhkola, flimkien ma' membri oħrajn tal-eżekuttiv, u rappreżentanti varji minn tnax-il assoċjazzjoni oħra Ewropea li jinkludu pajjiżi bħal Awstrija, Belġju, Danimarka, Finlandja, Franza, Ġermanja, Ungerija, Irlanda, Olanda, Norveġja, Spanja u Svezja. Dawn is-sewwieqa żgħażagħ, li kollha jaqgħu taħt il-kategorija ta' taħt il-ħamsa u għoxrin sena, huma kollha żgħażagħ promettenti u ta' livell għoli li qed jimmiraw li jsiru sewwieqa professjonisti fil-futur qrib.
Iċ-Chairman tal-Malta Racing Club Anthony Mifsud esprima s-sodisfazzjon tiegħu li grazzi għar-relazzjoni pożittiva li llum teżisti bejn il-Malta Racing Club u l-European Trotting Union, mhux biss dan l-avveniment se jsir Malta, iżda Malta se terġa' tikkwalifika għalih wara nuqqas ta' tlieta u għoxrin sena meta Malta kienet rebħet il-kampjonat f'Moska permezz tas-sewwieq Tony Cauchi.
Fil-kampjonat se jikkompetu żwiemel ta' sidien lokali u r-reġistrazzjoni tiftaħ għada t-Tlieta 17 ta' Ottubru.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en