STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX: Inawgurat il-proġett ta’ tisbiħ ta’ Ġnien iż-Żebbuġ
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri inawgura l-proġett ta' riġenerazzjoni ta' Ġnien iż-Żebbuġ, fir-raħal taż-Żebbuġ. Dan wara x-xogħlijiet ta' tisbiħ li saru f'dan il-ġnien.
Il-Ministru Clint Camilleri rringrazzja lill-Kunsill Reġjonali ta' Għawdex u lill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ talli ħadu l-inizjattiva sabiex jirriġeneraw dan il-ġnien. Huwa qal li dawn l-ispazji fil-lokalitajiet tagħna m'hemmx għalfejn ikunu spazji kbar ħafna, iżda b'ħidma importanti nibdluhom f'postijiet ta' rikreazzjoni għall-familja, tfal u żgħażagħ. “Dan il-proġett imur id f'id mal-politika tal-Gvern li jkompli jsebbaħ u jżid l-ispazji pubbliċi f'pajjiżna," saħaq il-Ministru għal Għawdex.
Fost ix-xogħlijiet li saru twaħħlu l-bankijiet, tħawlu xtieli indiġeni, sar railing tal-injam, inbnew il-ħitan tas-sejjieħ u l-ġnien tnaddaf mill-ħaxix ħażin. Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-President tal-Kunsill Reġjonali ta' Għawdex Samuel Azzopardi, is-Sindku taż-Żebbuġ Marlene Cini u l-Kunsilliera.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li jħares 'il quddiem għal aktar proġetti bħal dan mill-Kunsilli Lokali sabiex ikompli jsir aktar tisbiħ fl-irħula Għawdxin u l-familja jingħataw aktar postijiet ta' rikreazzjoni fil-gżira Għawdxija.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en